Snieter u Qaddisin

Ilha ġejja, u ħadd ma ta kas. Issa wasal il-mument tal-għażla…waslet is-siegħa li fiha ħa noffru l-ewwel vittma tal-Kampanja Internazzjonali Kontra d-Delizzji. Jekk fir-Referendum tal-11 t’April intom tivvotaw LE għall-kaċċa, ġej għalina żmien ikrah ta’ terrur, kontra kull delizzju u gost li jista’ l-bniedem qatt joħloq.

Taħsbu li mhux vera? Dawn huma l-previżjonijiet għas-sentejn li ġejjin jekk tispiċċa l-kaċċa fir-Rebbiegħa.

Mejju 2015

Il-kaċċa tinqata’ għall-kollox mill-gżejjer Maltin. Is-snieter, skrataċ, xbieki u kull xorta ta’ għodda tal-kaċċa jiġu kkonfiskati. Tgħaddi liġi li minn jinqabad jikkaċċja jeħel għomru l-ħabs. Jekk anke mill-ħabs jinqabad ‘jispara’ fl-arja jew jagħmel ħsejjes ta’ senter, jiġi kkundannat għall-mewt. Anġelik tidhirlu l-Madonna u ttih għasfur f’idu.

Ġunju 2015

Tibda kampanja kontra s-sajd. Jinħarqu l-luzzijiet irmunkati fl-inħawi tal-Port il-Kbir u Marsamxett, inkluż id-dgħajjes tar-Regatta. L-għaqdiet tar-Regatta jingħaqdu fi protesta storika, iżda kollox jispiċċa ħażin meta qaddief mill-Marsa jirfes bi żball qaddief mill-Isla, li fiha jidħlu ta’ Bormla u tal-Birgu. Il-qaddiefa Beltin jitbegħdu mit-taqbida u minnflok imorru jkissru l-Klabb tal-Boċċi tal-Furjana.

337Lulju 2015

Jiġu abboliti r-Regatta u l-logħob tal-boċċi wara l-irvellijiet ta’ Ġunju. Il-Prim Ministru jmexxi mozzjoni fil-Parlament biex is-Sajd jinqata’ għal kollox. Jibda irvell ġewwa Marsaxlokk, u t-toroq jiġu mblukkatti. Tissejjaħ l-armata u jibda assedju twil u kiefer. Fost il-vittmi hemm Moira Delia, li tisfa’ vittma t’aggressjoni Xlukkajra. L-aħħar kliem tagħha jknunu ‘What do you mean I can’t go to Tartarun?’

Awissu 2015

Santa Marija. Wisq sħana. Kulħadd jieħu break. (Inkluż Anġelik, li pprefera jaħdem ftit fuq it-tanlines)

Settembru – Diċembru 2015

Rita Spiteri Desert Princess tibda kampanja kontra l-bacon bl-islogan ‘Ħalluli l-Ħanżir.’ Fl-istess żmien ittir kamra tan-nar waqt BBQ fundraiser ġewwa l-kamra. Sal-aħħar tas-sena l-logħob tan-nar u l-BBQs isiru llegali. Il-LIDL jirreġistra tnaqqis sostanzjali fil-bejgħ. Lou Bondi jilmenta li issa m’għandux ġigġifogu biex iżewwaq il-playlist tiegħu fuq l-iPod. Ikompli l-imblokk Xlukkajr.

Jannar-Marzu 2016

Tifel ta’ 14-il sena jaqta’ subgħajh waqt li jkun qed jaħdem fuq karru tal-Karnival. Jitneħħa l-Karnival u l-kartapesta mill-ħajja Maltija. Sadanittant id-DeżertPrinsess jirnexxilha tikkonvinċi lill-Gvern biex ‘iħallulha l-ħanżir’ u tgħaddi l-liġi tal-Majjalata: Kull xorta ta’ laħam u prodott tal-majjal issa jisfa llegali. Argument bejn żewġ nisa xjuħ waqt klassi tal-ganutell ġewwa l-Kunsill Lokali ta’ Ħad-Dingli jispiċċa biex Maria Borg (magħrufa bħala l-Qammiela) tniggeż subgħajha b’labra. Kull xorta ta’ xogħol tal-labar u ħjata jisfa llegali. Jqum irvell ġewwa Ħad-Dingli, u jibda l-imblokk ta’ Ħad-Dingli. L-imblokk xlukkajr jilħaq propozjonijiet epiċi, b’bosta midruba, inkluż 20 suldat maqtul permezz ta’ pixxispad. Anġelik tidhirlu l-Madonna u tnewwilu erba’ lampukiet u qarnita.

d9c834f1566660917325697c11aebc84-1310672881-1300442186-4d832c4a-620x348

April-Ġunju 2016

Jiġu arrestati l-membri tal-Għaqda Filatelika Pensjonanti San Vinċenz de Paule wara li jiġu mixlija b’attentati terroristiċi bl-użu tal-bolol użati bħala splussivi. Rapport tal-Għaqda Psikoanalisti Maltin tikkonkludi li kull forma ta’ kollezzjoniżmu huwa patoloġiku, u dlonk isir illegali. Jitwaqqfu wkoll il-baned għax skond rapport professjonali huma biss ħela ta’ ħin u huwa aħjar jekk il-vari joħorġu bil-mużika tal-Wintermoods. L-imblokki ta’ Ħad-Dingli u Marsaxlokk ikomplu.

Awissu 2016

Terremot jolqot lill-gżejjer ta’ Izu fil-Ġappun. Fl-istess ħin u mument, San Gejtanu jerġa jeħodha għal wiċċu. Wara taħdit twil, jinsabu ħatja s-sushi chefs ta’ Malta kollha. L-ikel orjentali jisfa llegali. Id-DeżertPrinsess għada tiġġieled għall-ħanżir. Xi ħadd jazzarda jgħid li San Gejtanu waqa’ għax id-diska tal-Wintermoods li daqqew u hu dieħel ma kellix daqqa tajba. Dak ix-‘xi ħadd’ malajr jaqla’ daqqa tajba hu.

Settembru -Diċembru 2016

Jinqabad ċirku llegali ta’ nisa jaħdmu l-ganutell u xogħol tal-labar u ċombini. 300 arrestati, fosthom Claudette Buttigieg u Justyne Caruana. Il-Maltese Coeliac Circle joħroġ kampanja kontra l-Ħobż. Irvellijiet ġewwa Ħal Qormi. Imblokk ta’ Ħal Qormi, Ħad-Dingli u Marsaxlokk. Anġelik tidhirlu l-Madonna u tnewwillu biċċtejn ħobż biż-żejt (provenjenza taż-żejt mhux konfermata)

Jannar – April 2017

L-imblokk ta’ Ħal Qormi jinbidel fi gwerra ċivili bejn ta’ San Bastjan u ta’ San Ġorġ. Jiżdiedu b’mod sostanzjali n-numru ta’ trabi f’Malta, minkejja li l-Melita Cable iżżid 200 stazzjon ieħor. Id-DeżertPrinsess tkompli tiġġieled għall-ħanżir. Jitwaqqfu l-purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira kollha. Stqarrija mill-Kurja ‘Hemm wisq swat u demm, nibżgħu li jaffettwaw ħażin lin-nies.’ Jibda imblokk fl-Imġarr: ‘Ija qas ilna sentejn nagħmlu naqa ta’ purċissjoni, issa ħa taħ£$@R£$%^£^&%@$£^%&?’. Ikomplu l-imblokki l-oħra.

Mejju – Lulju 2017

Jinqabad ċirku ieħor illegali ta’ ganutell. 500 arrestati fosthom Simon Busuttil, Konrad Mizzi u Lou Bondi. Ix-Xlukkajri jaqsmu l-bajja ta’ San Tumas u jerħulha għal Birżebbuġa. Sa Lulju jkunu ħadu Borġ in-Nadur. Anġelik jinqabad priġunier: ‘Il-Martirju hija triqti’ jgħid hu eżatt qabel ma jaqfluh ġo ċella u jorbtulu ħalqu.

Awwissu – Diċembru 2017

Għawdex jiddikjara lilu nniffsu Indipendenti. Il-Mellieħin jiddkjaraw gwerra: ‘Jekk il-Maltin ma jitilgħux Għawdex, ħadd m’għandu għalfejn jgħaddi mill-Mellieħa! Ħa tfaqqruna!’ Jiġi arrestat Karmenu Mifsud Bonnici. Stqarrija mill-Gvern: ‘Issa ċ-ċans!’. L-irvellijiet jinfirxu. Mijiet ta’ vittmi. Id-DeżertPrinsess għadha ma sabitx serħan għax il-ħanżir għadu mhux protett.

Jannar 2018

Kaos totali. Demm, qtil, ġuħ u għaks. U dan kollu għax qridtu l-kaċċa…

3286.Shout_pic for blog.jpg-550x0

Issa ftit serjeta. X’sens tagħmel li toqtol l-annimali għall-gost u pjaċir? U fuq kollox ir-Referendum mhux biex titneħħa l-kaċċa, iżda biex ma ssirx kaċċa fir-Rebbiegħa ħalli l-għasafar jilħqu jieħdu n….jipprokrejaw. Int tieħu gost kieku xi ħadd jisparalek qabel tkun qatt ħadt waħda? Mela agħmel l-għażla t-tajba u vvotta LE.

6 thoughts on “Snieter u Qaddisin

  1. Min qed jahseb li jmiss delizzji ohrajn sejjer zbaljat. Il poplu Malti ghajjat ghal referendum minhabba ligi li lilu ma toghogbux. F’dan il kaz, kacca fir rebbiegha. Li tohrog bir rota, jew tistaghad, jew timxi fit-triq, tiehu n nifs, dawn l affarijiet insomma….MA HEMMX LIGIJIET! Jekk tghaddi tal le, ser ikollkhom 19 il gurnata inqas fejn testerminaw hlejjaq innocenti ghal sport antikwat li llum huwa biss dak… Sport u gost. Referendum kontra deroga… Ligi li taghti eccezzjoni.

    Like

Share your views...