L-Oħrajn

Ma bkejtx għas-siġra.
(Mur ara, fadal iżjed siġar,
Waħda inqas x’inhi?)
Bkejt għall-oħrajn,
Jistennew il-kundanna
F’ċelel tas-siment.

Ma bkejtx għan-niċċa.
(Mur ara, min għadu jemmen fil-qaddisin?
Sakemm mhux dawk li jirbħu l-ġenna kull ħames snin)
Bkejt għall-oħrajn,
Mimlija indulġenzi mhux mirbuħa.

Ma bkejtx għalija.
(Mur ara, jien diġa nofs triq għall-qabar)
Bkejt għall-oħrajn
Li ser jidfnuni
U ma jistgħux jibku
La siġar u la niċeċ
Għajr minn fuq is-santa tal-imwiet
Li hi ħajjitna.

Æ

(Image source: Times of Malta)