Dik l-imbierka ta’ Sancte Paole!

San Pawl mhux festa bħall-oħrajn. Ikolli nammetti anke jien, Dumnikan konvint, li San Pawl hi festa għaliha. Hija Festa Nazzjonali, u diġa dik hi biżżejjed. Apparti minn hekk, hija waħda mill-ftit festi f’Malta li tista’ tiftaħar b’kapolavur Barokk bħala l-istatwa titulari, xogħol Melchiore Gafa. Hija wkoll festa xitwija, waħda mill-ftit li għad fadal f’Malta. Dik li tista’ tmur il-quddies tal-paniġierku mgeżwer fil-kowt minflok tgħum f’barmil għaraq sabiħa wisq! U imbagħad hemm ukoll il-fided u l-kapulavuri tal-arti li hemm sew ġewwa l-knisja u sew ġewwa d-Domus…

Iżda hemm ġawhra prezzjuża oħra fit-teżor Pawlin, ġawhra li ftit jafu biha, jew li ftit jagħrfu japprezzaw il-valur tagħha: L-Antifona tal-Festa! Dik l-imbierka ta’ Sancte Paole!

Jekk trid tismagħha sakemm taqra, agħfas waħda hawn

Din l-antifona hija bla dubju waħda mill-aktar antifoni ċelebri (jekk mhux l-iktar waħda ċelebri) li jeżistu f’Malta. U bir-raġun. Fi żmienu kien xogħol kontroversjali u modern għall-aħħar li ġab fama immedjata lill-kompożitur tagħha, id-Dottor Paolo Nani.

2015-02-10 19.12.40

Iżda qabel xejn, x’inhi antifona? Teknikament, kull ma hija, hi biss versett qasir li jingħad (jew jitkanta bil-Gregorjan) qabel is-Salmi u l-Kantiċi fil-funzjonijiet liturġiċi. Vers introduttorju għall-ħsieb ewlieni taċ-ċelebrazzjoni li jdum biss ftit sekondi. Fil-mużika sagra kontinentali lanqas biss jingħata wisq importanza. Il-kompożituri dejjem fittxu li jikkomponu quddisiet, salmi, innijiet, etc. L-Antifona qatt ma kienet forma importanti jew grandjuża fi ħdan il-mużika liturġika.

Kif allura żviluppat l-antifona tal-festa Maltija? Diffiċli tgħid (għad irid isir ħafna riċerka f’dan ir-rigward), iżda jidher li hu fenomenu tal-bidu tas-seklu 19. L-antifona żviluppat minn versett ta’ ftit sekondi għal xogħol mużikali ta’ kważi għaxar minuti b’taqsimiet differenti u kuntrastanti, b’solisti u kor. Ma baqgħetx xogħol liturġiku iżda simbolu tal-festa li għaliha tinkiteb.

Mal-miġja tal-Franċiżi fl-1798 Malta tilfet mill-kontinwita artistika li kellha taħt il-Kavallieri. Fost affarjiet oħrajn, ġiet xolta l-cappella mużikali tal-Knisja Konventwali ta’ San Ġwann, u kien fadal biss tal-Imdina. Din eliminat ir-rivalita storika bejn iż-żewġ cappelle li kienet ilha preżenti mis-seklu 16. U hekk kif spiċċat il-pika, spiċċat il-kwalita.

Il-Knisja Konventwali ta’ San Ġwann għaddiet biss uffiċjalment f’idejn id-Djoċesi Maltija  nhar is-27 ta’ Jannar 1816 b’digriet tal-Papa Piju VII. Iżda anke b’hekk, il-Kon-Katidral baqa’ ‘jiddobba’ bil-cappella tal-Katidral fl-Imdina sal-1831 meta fl-aħħar twaqqfet cappella għaliha ġewwa l-Kon-Katidral. U naturalment, dan ix-xogħol naturalment waqa’ f’idejn il-kbir…VINCENZO BUGEJA!

L-eroj mużikali ta’ Malta fil-bidu tas-seklu 19 ma kienx mill-familja Nani, iżda Vincenzo Bugeja, bin il-magħruf u mibki maestro di cappella Pietro Paolo Bugeja. Il-familja Nani kienet xorta ta’ fama kbira, iżda iktar bħala vjolinisti kbar permezz tat-talenti ta’ Angelo Nani (l-ewwel Nani f’Malta) u ibnu Emmanuele. Filfatt kienet il-familja Bugeja, u mhux il-familja Nani, li kellhom l-ewwel monopolju mużikali ta’ diversi mużika liturġika. U fost ħafna impenji kellhom f’idejhom il-Cappella ta’ waħda mill-iktar knejjes importanti fil-Belt, dik ta’ …San Duminku (jew aħjar, kif inhi uffiċjalment msejjħa, ta’ Porto Salvu)!!

Għall-artiklu dwar San Pawl għandi naqra wisq San Duminkijiet u Bugeji imżeffna fin-nofs. Niskuża ruħi mal-Pawlini…iżda mhux bi qżież, għax l-istorja tas-Sancte Paole hi wkoll l-istorja tal-Belt u ta’ Malta, u dak li ġie qabilha huwa importanti daqs dak li ġie warajha. 

L-istorja kultant stramba. Is-Sancte Paole ta’ Paolo Nani ma kenitx l-ewwel antifona tal-festa li kellha l-festa ta’ San Pawl fil-Belt. Mhux talli hekk, talli fl-1839 il-mużika tal-festa ta’ San Pawl kienet f’idejn ħadd ħlief Vincenzo Bugeja, u kiteb ukoll Sancte Paole għall-okkażjoni. Sena wara ħadlu postu Paolo Nani. Hemm ħafna spekulazzjonijiet għalxiex seta’ ġara dan, iżda l-aktar waħda plawżibbli hi l-iktar waħda sempliċi: Bugeja tant kellu mużika taħt idejh li probabbli l-Kapitlu ħassu iktar komdu b’maestro di cappella wieħed iddedikat għalihom. U Paolo Nani kien għadu kif jasal minn Napli u kien għadu kif ħa l-mużika tal-festa tal-Karmnu tal-Belt taħt idejh fl-1839 u kien qajjem interess kbir. U għalhekk fl-1840, Paolo Nani laħaq maestro di cappella hu.

Issa…poġġu ruħkom fil-pożizzjoni ta’ Paolo Nani: żagħżuh ta’ 25 sena li għadu ġej lura minn barra wara li (kontra r-rieda ta’ missieru) mar jistudja l-mużika Napli. F’Malta Vincenzo Bugeja huwa l-idolu mużikali tal-poplu. Paolo kellu wkoll l-isfortuna li ma ħariġx vjolinist prim bħal missieru u nannuh. U jtuk f’idejk l-ewwel il-festa tal-Karmnu (1839) u wara San Pawl tal-Belt (1840). Festa Nazzjonali! Parroċċa Beltija! Il-pressjoni min jaf kemm kienet kbira.

2014-02-10 22.11.40

Is-Sancte Paole ta’ P. Nani żżanżnet għall-festa tal-1840. Tista’ tgħid li qamet rewwixta! L-ispjegazzjoni tradizzjonali hi li l-mużika ta’ Nani kienet operistika u drammatika, u għaldaqstant mhux adattata għall-knisja. Kienet opra sagra miktuba għall-‘foqra’…dawk li ma jaffordjawx imorru t-teatru setgħu jisimgħu dik il-mużika fil-knisja. Hemm min isostni li kienet l-ewwel mużika sagra ta’ dan it-tip f’Malta.

Iżda hemm 2 problemi kbar b’din l-ipoteżi:

  1. Nani daħħal il-mużika operistika fil-knejjes

Ġa mill-bidu tal-Barokk, 200 sena qabel, il-mużika teatrali kienet daħlet fil-knisja. Ix-xogħlijiet ta’ Monteverdi jixhdu dan. Il-bidu tal-opra Orfeo (1607) u  tal-Vespri ta’ Marija Verġni (1610) huma prattikament identiċi. Vivaldi, Bach, Handel, Mozart, Haydn…kollha daħħlu elementi teatrali (ġieli b’mod anke sfaċċat) fix-xogħlijiet sagri tagħhom. Għalhekk Nani kien qed jaħdem biss fi ħdan tradizzjoni mużikali antika.

2. Kienet opra tal-‘foqra’

Min jaf xi ħaġa jew tnejn dwar il-Pawlini Beltin jaf biżżejjed li la huma foqra, u lanqas qatt kienu. L-opra fil-bidu tas-seklu 19 f’Malta kienet iktar aċċessibli minn qatt qabel għaliex ma kenitx xi ħaġa riservata għall-Kavallieri bħas-seklu ta’ qabel. It-teatru tal-opra kien ċentru kulturali importanti f’kull belt Ewropea, speċjalment fl-Italja t’isfel, u f’Malta mhux b’inqas. Il-Pawlini tal-bidu tas-seklu 19 kellhom kemm il-mezzi kif ukoll l-opportunita li jisimgħu l-aħħar xogħlijiet operistiċi ġewwa t-Teatru Manoel.

Mela x’inhu l-preġju tas-Sancte Paole ta’ Paolo Nani?

Kelma waħda: Faqa. L-Antifona ġdida ta’ dan il-kompożitur żagħżugħ kienet xejn inqas minn FAQA! Din kienet mhux biss mużika operstika, iżda mużika operistika tal-aħħar moda. Nani kien studja ma’ Donizetti ġewwa Napli, u kien jaf eżattament l-aħħar stil operistiku x’inhu.

Din hi mużika kunfidenti li tħares ‘il quddiem. Bugeja kien jgħix bid-dell tqil ta’ missieru, ta’ tradizzjoni serja li trid tiġi rispettata. Paolo Nani kellu biss tradizzjoni ta’ vjolinisti mhux kompożituri. Apparti minn hekk, Paolo Nani sfida l-istatus quo u wera ruħu rivali importanti ta’ Bugeja. Wara nuqqas ta’ kważi ħamsin sena, f’Malta reġa kien hemm rivalita’ mużikali importanti.

Anke l-ftuħ tal-antifona Sancte Paole huwa rivoluzzjonarju. M’hemmx solennita, iżda ċelebrazzjoni. Hekk kif jiftaħ is-siparju nsibu ruħna dritt ġol-azzjoni drammatika. U fuq kollox, hemm melodija memorabbli u daqqa mexxejja. Paolo Nani ta lill-Malta xogħol mużikali Malti għall-Maltin.

Minkejja l-kritika (li kienet ħafna u ħarxa), is-Sancte Paole tat bidu għal serje ta’ antifoni llum ċelebri, fosthom serje t’antifoni ta’ Vincenzo Bugeja bħal O Melitae digna proles (1844, San Publiju, il-Furjana), u ż-żewġ verżjonijiet tal-Pie Pater Dominici (1848 u 1859, San Duminku, Valletta). Il-kontroversja li qajjem Paolo Nani dwar il-mużika fil-knejjes baqgħet għaddej sew wara mewtu, sat-Tieni Gwerra Dinjija.,,u nazzarda ngħid li għada għaddejja sal-lum.

Allura dik l-imbierka Sancte Paole hija mużika sagra? Jekk tridu tweġiba, inżlu waħda sal-festa ta’ San Pawl (li dis-sena ħa jaħbat nhar ta’ Sibt 30 ta’ Jannar 2016) u għiduli intom jekk tħossx il-preżenza ta’ Alla hekk kif jidħol San Pawl lura fil-knisja u jaqa s-skiet hekk kif tibda l-antifona. U mal-ewwel vers kulħadd, kbar u żgħar, jibda ikanta Sancte Paole