VII [sebgħa]

 

Mhux soltu nuża dan il-blog biex nitkellem fuq xogħli, iżda kultant jibdew jiġru affarjiet żgħar fis-settur tiegħek li ma tistax tinjora. Sinjali ta’ bidla, żgħar u ftit batuti għax għadhom jitwieldu, iżda li mimlija potenzjal. Ħa nibda mill-bidu nett.

Ftit tax-xhur ilu ġejt mitlub mill-Għaqda Mużikali Santa Marija ta’ Ħal Għaxaq nikteb xogħol żgħir sabiex bih jinawguraw wirja tal-Ġimgħa l-Kbira ġewwa l-każin fil-jiem li ġejjin. Nammetti li l-ewwel reazzjoni kienet daqxejn ċinika. Il-frażi ‘wirja tal-Ġimgħa l-Kbira’ tnissel fija wisq stampi ta’ platti tar-ross, statwi tat-tafal koroh, u xi ftit xogħol bl-antaċċjoli jew pupi tas-suf. Iżda donnu ma kienx ser ikun il-każ.

Qoxra Għaxaq 2015

Qoxra tal-programm tal-festa Awwissu 2015 (Għaqda Mużikali Santa Marija A.D. 1873, Ħal Għaxaq)

Din hi wkoll waħda mill-ftit baned Maltin fejn hemm jonfoħ ir-riħ tal-bidla. Mhux urugan jew riefnu, iżda żiffa ħelwa friska. Tistgħu tħarsu lejn il-qoxra tal-programm tal-festa tas-sena l-oħra (Awwissu 2015) biex tinduna bid-differenza. M’hemmx qoxra tleqq b’xi collage ta’ ritratti varji tal-festa jew tal-vara, iżda disinn eleganti u maħsub.

Iżda, lura għall-wirja. L-idea kienet waħda sempliċi: wirja kollettiva ta’ xogħlijiet ta’ artisti u statwarji Maltin t’arti marbuta mal-Ġimgħa Mqaddsa, fosthom Ġlormu Dingli, Renzo Gauci, Mariorick Mifsud, Noel Cauchi, Joe Cutajar Zahra, Silvio Mizzi, John Massa, Shawn Saliba, Ayrton Sammut, Darren Bonavia, Antonio Mifsud, Joseph Magri, James Azzopardi, Jesmond Micallef, Nazzareno Gauci, Sebio Aquilina (ritratt hawn fuq), Kurt Friggieri, George Scicluna, Publio Magro, Cleaven Formosa u ohrajn.

Xorta waħda, kelli d-dubji tiegħi. Il-baned u l-arti kontemporanja mhumiex eżattament sinonimi. Li kieku kelli nikkummenta fuq il-wirja ngħid li hemm nuqqas t’artisti li jaħdmu fi stil kontemporanju. Għaliex? Għax mit-Tieni Gwerra ‘l hawn, kien hemm qasma kulturali fost l-artisti; dawk li żammew stil anakronistiku u tradizzjonalist u dawk li nqatgħu kompletament mit-tradizzjoni. U issa li għadda ż-żmien, qed nerġgħu naraw moviment stramb, t’artisti tradizzjonali jesploraw toroq ġodda, u artisti avantgardisti iħarsu lura lejn it-tradizzjoni.

Hu fil-mużika? L-ambjent bandistiku għadu ddominat mill-ħoss tal-marċ, u ma hemm xejn ħażin f’dan. Il-marċ huwa tip ta’ mużika funzjonali: jeżisti mhux għall-mertu artistiku tiegħu, iżda għal skop soċjali, biex jakkumpanja ritwal. Iżda l-baned jistgħu jkunu iktar minn hekk. Sa qabel il-Gwerra, l-baned kienu jdoqqu wkoll l-aħħar mużika, minn mużika operistika u klassika, għal jazz u mużika tas-swali taż-żfin.

Għadhom il-każini jistgħu jkunu parteċipi fil-ħajja mużikali kontemporanja? Ejja nibdew b’pass importanti: jekk taħsbu li l-mużika ‘kontemporanja’ hi biss soundtracks jew ‘taħwid’, ‘stunar’ u ‘ħsejjes ta’ borom iħabbtu ma xulxin’…għandkom żball. Il-mużika kontemporanja hija vasta…nistedinkom biss tesploraw kompożituri bħal Arvo Pärt, John Tavener, Eric Whitacre, James MacMillan, Thomas Adès, John Adams, Steve Reich…u oħrajn.

Kien hemm fattur importanti li kkonvinċini: il-fiduċja li l-Għaqda Mużikali Santa Marija wriet fija, tant li kelli l-libertà li nagħżel jien x’nikteb. X’taqbad tikteb? Ridt inżomm mal-ispirtu tal-wirja, u għalhekk iddeċidejt li nikteb serje ta’ riflessjonijiet fuq l-aħħar seba’ kelmiet ta’ Kristu. Iżda ridt ukoll li tkun iktar minn sempliċi biċċa mużika tal-ftuħ. Iddeċidejt li nkellem seba’ awturi u poeti kontemporanji Maltin biex jikkontribwixxu anke huma għax-xogħol taħt forma ta’ seba’ riflessjonijiet fuq kull frażi.

U b’hekk twieldet VII[sebgħa], xogħol għal kwartett tar-ram u perkussjoni; seba’ movimenti fuq seba’ riflessjonijiet letterarji minn seba’ kittieba Maltin, għall-ftuħ tal-wirja Il-Passjoni ta’ Kristu Skont l-Artist Malti: xogħol li fih il-kitbiet ta’ Trevor Zahra, Maria Grech Ganado, Immanuel Mifsud, Clare Azzopardi, Adrian Grima, Simone Inguanez, u Wayne Flask. Il-mużiċisti li ser idoqqu huma Wayne Bartolo, Duncan Borg, Justin Formosa, Clayton Gomez, u Tancred Grech. Magħhom tingħaqad ukoll l-attriċi Monica Attard li ser tinterpreta s-seba’ kitbiet.

VII[sebgħa], ser tingħata l-prima assoluta nhar il-Ħamis 17 ta’ Marzu fit-20:00 fis-Sala ewlenija tal-każin tal-Għaqda Mużikali Santa Marija A.D. 1873. Id-dħul huwa b’xejn u kulħadd huwa mistieden. 

12828357_1122403184471739_4059186357545022898_o

 

Dik l-imbierka ta’ Sancte Paole!

San Pawl mhux festa bħall-oħrajn. Ikolli nammetti anke jien, Dumnikan konvint, li San Pawl hi festa għaliha. Hija Festa Nazzjonali, u diġa dik hi biżżejjed. Apparti minn hekk, hija waħda mill-ftit festi f’Malta li tista’ tiftaħar b’kapolavur Barokk bħala l-istatwa titulari, xogħol Melchiore Gafa. Hija wkoll festa xitwija, waħda mill-ftit li għad fadal f’Malta. Dik li tista’ tmur il-quddies tal-paniġierku mgeżwer fil-kowt minflok tgħum f’barmil għaraq sabiħa wisq! U imbagħad hemm ukoll il-fided u l-kapulavuri tal-arti li hemm sew ġewwa l-knisja u sew ġewwa d-Domus…

Iżda hemm ġawhra prezzjuża oħra fit-teżor Pawlin, ġawhra li ftit jafu biha, jew li ftit jagħrfu japprezzaw il-valur tagħha: L-Antifona tal-Festa! Dik l-imbierka ta’ Sancte Paole!

Jekk trid tismagħha sakemm taqra, agħfas waħda hawn

Din l-antifona hija bla dubju waħda mill-aktar antifoni ċelebri (jekk mhux l-iktar waħda ċelebri) li jeżistu f’Malta. U bir-raġun. Fi żmienu kien xogħol kontroversjali u modern għall-aħħar li ġab fama immedjata lill-kompożitur tagħha, id-Dottor Paolo Nani.

2015-02-10 19.12.40

Iżda qabel xejn, x’inhi antifona? Teknikament, kull ma hija, hi biss versett qasir li jingħad (jew jitkanta bil-Gregorjan) qabel is-Salmi u l-Kantiċi fil-funzjonijiet liturġiċi. Vers introduttorju għall-ħsieb ewlieni taċ-ċelebrazzjoni li jdum biss ftit sekondi. Fil-mużika sagra kontinentali lanqas biss jingħata wisq importanza. Il-kompożituri dejjem fittxu li jikkomponu quddisiet, salmi, innijiet, etc. L-Antifona qatt ma kienet forma importanti jew grandjuża fi ħdan il-mużika liturġika.

Kif allura żviluppat l-antifona tal-festa Maltija? Diffiċli tgħid (għad irid isir ħafna riċerka f’dan ir-rigward), iżda jidher li hu fenomenu tal-bidu tas-seklu 19. L-antifona żviluppat minn versett ta’ ftit sekondi għal xogħol mużikali ta’ kważi għaxar minuti b’taqsimiet differenti u kuntrastanti, b’solisti u kor. Ma baqgħetx xogħol liturġiku iżda simbolu tal-festa li għaliha tinkiteb.

Mal-miġja tal-Franċiżi fl-1798 Malta tilfet mill-kontinwita artistika li kellha taħt il-Kavallieri. Fost affarjiet oħrajn, ġiet xolta l-cappella mużikali tal-Knisja Konventwali ta’ San Ġwann, u kien fadal biss tal-Imdina. Din eliminat ir-rivalita storika bejn iż-żewġ cappelle li kienet ilha preżenti mis-seklu 16. U hekk kif spiċċat il-pika, spiċċat il-kwalita.

Il-Knisja Konventwali ta’ San Ġwann għaddiet biss uffiċjalment f’idejn id-Djoċesi Maltija  nhar is-27 ta’ Jannar 1816 b’digriet tal-Papa Piju VII. Iżda anke b’hekk, il-Kon-Katidral baqa’ ‘jiddobba’ bil-cappella tal-Katidral fl-Imdina sal-1831 meta fl-aħħar twaqqfet cappella għaliha ġewwa l-Kon-Katidral. U naturalment, dan ix-xogħol naturalment waqa’ f’idejn il-kbir…VINCENZO BUGEJA!

L-eroj mużikali ta’ Malta fil-bidu tas-seklu 19 ma kienx mill-familja Nani, iżda Vincenzo Bugeja, bin il-magħruf u mibki maestro di cappella Pietro Paolo Bugeja. Il-familja Nani kienet xorta ta’ fama kbira, iżda iktar bħala vjolinisti kbar permezz tat-talenti ta’ Angelo Nani (l-ewwel Nani f’Malta) u ibnu Emmanuele. Filfatt kienet il-familja Bugeja, u mhux il-familja Nani, li kellhom l-ewwel monopolju mużikali ta’ diversi mużika liturġika. U fost ħafna impenji kellhom f’idejhom il-Cappella ta’ waħda mill-iktar knejjes importanti fil-Belt, dik ta’ …San Duminku (jew aħjar, kif inhi uffiċjalment msejjħa, ta’ Porto Salvu)!!

Għall-artiklu dwar San Pawl għandi naqra wisq San Duminkijiet u Bugeji imżeffna fin-nofs. Niskuża ruħi mal-Pawlini…iżda mhux bi qżież, għax l-istorja tas-Sancte Paole hi wkoll l-istorja tal-Belt u ta’ Malta, u dak li ġie qabilha huwa importanti daqs dak li ġie warajha. 

L-istorja kultant stramba. Is-Sancte Paole ta’ Paolo Nani ma kenitx l-ewwel antifona tal-festa li kellha l-festa ta’ San Pawl fil-Belt. Mhux talli hekk, talli fl-1839 il-mużika tal-festa ta’ San Pawl kienet f’idejn ħadd ħlief Vincenzo Bugeja, u kiteb ukoll Sancte Paole għall-okkażjoni. Sena wara ħadlu postu Paolo Nani. Hemm ħafna spekulazzjonijiet għalxiex seta’ ġara dan, iżda l-aktar waħda plawżibbli hi l-iktar waħda sempliċi: Bugeja tant kellu mużika taħt idejh li probabbli l-Kapitlu ħassu iktar komdu b’maestro di cappella wieħed iddedikat għalihom. U Paolo Nani kien għadu kif jasal minn Napli u kien għadu kif ħa l-mużika tal-festa tal-Karmnu tal-Belt taħt idejh fl-1839 u kien qajjem interess kbir. U għalhekk fl-1840, Paolo Nani laħaq maestro di cappella hu.

Issa…poġġu ruħkom fil-pożizzjoni ta’ Paolo Nani: żagħżuh ta’ 25 sena li għadu ġej lura minn barra wara li (kontra r-rieda ta’ missieru) mar jistudja l-mużika Napli. F’Malta Vincenzo Bugeja huwa l-idolu mużikali tal-poplu. Paolo kellu wkoll l-isfortuna li ma ħariġx vjolinist prim bħal missieru u nannuh. U jtuk f’idejk l-ewwel il-festa tal-Karmnu (1839) u wara San Pawl tal-Belt (1840). Festa Nazzjonali! Parroċċa Beltija! Il-pressjoni min jaf kemm kienet kbira.

2014-02-10 22.11.40

Is-Sancte Paole ta’ P. Nani żżanżnet għall-festa tal-1840. Tista’ tgħid li qamet rewwixta! L-ispjegazzjoni tradizzjonali hi li l-mużika ta’ Nani kienet operistika u drammatika, u għaldaqstant mhux adattata għall-knisja. Kienet opra sagra miktuba għall-‘foqra’…dawk li ma jaffordjawx imorru t-teatru setgħu jisimgħu dik il-mużika fil-knisja. Hemm min isostni li kienet l-ewwel mużika sagra ta’ dan it-tip f’Malta.

Iżda hemm 2 problemi kbar b’din l-ipoteżi:

  1. Nani daħħal il-mużika operistika fil-knejjes

Ġa mill-bidu tal-Barokk, 200 sena qabel, il-mużika teatrali kienet daħlet fil-knisja. Ix-xogħlijiet ta’ Monteverdi jixhdu dan. Il-bidu tal-opra Orfeo (1607) u  tal-Vespri ta’ Marija Verġni (1610) huma prattikament identiċi. Vivaldi, Bach, Handel, Mozart, Haydn…kollha daħħlu elementi teatrali (ġieli b’mod anke sfaċċat) fix-xogħlijiet sagri tagħhom. Għalhekk Nani kien qed jaħdem biss fi ħdan tradizzjoni mużikali antika.

2. Kienet opra tal-‘foqra’

Min jaf xi ħaġa jew tnejn dwar il-Pawlini Beltin jaf biżżejjed li la huma foqra, u lanqas qatt kienu. L-opra fil-bidu tas-seklu 19 f’Malta kienet iktar aċċessibli minn qatt qabel għaliex ma kenitx xi ħaġa riservata għall-Kavallieri bħas-seklu ta’ qabel. It-teatru tal-opra kien ċentru kulturali importanti f’kull belt Ewropea, speċjalment fl-Italja t’isfel, u f’Malta mhux b’inqas. Il-Pawlini tal-bidu tas-seklu 19 kellhom kemm il-mezzi kif ukoll l-opportunita li jisimgħu l-aħħar xogħlijiet operistiċi ġewwa t-Teatru Manoel.

Mela x’inhu l-preġju tas-Sancte Paole ta’ Paolo Nani?

Kelma waħda: Faqa. L-Antifona ġdida ta’ dan il-kompożitur żagħżugħ kienet xejn inqas minn FAQA! Din kienet mhux biss mużika operstika, iżda mużika operistika tal-aħħar moda. Nani kien studja ma’ Donizetti ġewwa Napli, u kien jaf eżattament l-aħħar stil operistiku x’inhu.

Din hi mużika kunfidenti li tħares ‘il quddiem. Bugeja kien jgħix bid-dell tqil ta’ missieru, ta’ tradizzjoni serja li trid tiġi rispettata. Paolo Nani kellu biss tradizzjoni ta’ vjolinisti mhux kompożituri. Apparti minn hekk, Paolo Nani sfida l-istatus quo u wera ruħu rivali importanti ta’ Bugeja. Wara nuqqas ta’ kważi ħamsin sena, f’Malta reġa kien hemm rivalita’ mużikali importanti.

Anke l-ftuħ tal-antifona Sancte Paole huwa rivoluzzjonarju. M’hemmx solennita, iżda ċelebrazzjoni. Hekk kif jiftaħ is-siparju nsibu ruħna dritt ġol-azzjoni drammatika. U fuq kollox, hemm melodija memorabbli u daqqa mexxejja. Paolo Nani ta lill-Malta xogħol mużikali Malti għall-Maltin.

Minkejja l-kritika (li kienet ħafna u ħarxa), is-Sancte Paole tat bidu għal serje ta’ antifoni llum ċelebri, fosthom serje t’antifoni ta’ Vincenzo Bugeja bħal O Melitae digna proles (1844, San Publiju, il-Furjana), u ż-żewġ verżjonijiet tal-Pie Pater Dominici (1848 u 1859, San Duminku, Valletta). Il-kontroversja li qajjem Paolo Nani dwar il-mużika fil-knejjes baqgħet għaddej sew wara mewtu, sat-Tieni Gwerra Dinjija.,,u nazzarda ngħid li għada għaddejja sal-lum.

Allura dik l-imbierka Sancte Paole hija mużika sagra? Jekk tridu tweġiba, inżlu waħda sal-festa ta’ San Pawl (li dis-sena ħa jaħbat nhar ta’ Sibt 30 ta’ Jannar 2016) u għiduli intom jekk tħossx il-preżenza ta’ Alla hekk kif jidħol San Pawl lura fil-knisja u jaqa s-skiet hekk kif tibda l-antifona. U mal-ewwel vers kulħadd, kbar u żgħar, jibda ikanta Sancte Paole

Din mihiex riżoluzzjoni

If you would like to read this in English click here

Dan l-aħħar bħal qisu waqajt fil-muta, u mhux soltu tiegħi. Kultant is-skiet huwa akbar mill-kliem. Kultant diffiċli tifhem jekk it-tibdiliet ta’ madwarek humiex vera jew le. Kultant tant ikun hemm bidliet f’daqqa li jkollok tieħu pass lura u terġa tqis ħajjtek. U kultant, ikollok bżonn tieqaf ftit biex timxi.

Dan mhux ser ikunu artiklu interminabbli fuq riżoluzzjonijiet tal-Ewwel tas-Sena. Frankament, l-idea biss ukoll nsibha tad-daħq. Jekk trid tbiddel ħajjtek m’hemmx għalfejn tistenna li tbiddel il-kalendarju. Aqbad u agħmel li għandek tagħmel.

Iżda dan hu artiklu fuq il-prijoritajiet tal-ħajja; fuq dak li għandna nitħaddtu dwaru. Dan hu artiklu fuq l-affarjiet importanti li jiswew xi ħaġa, u mhux fuq kliem fieragħ u xenati emozzjonali online.

Dawn huma l-affarjiet li naħseb għandna lkoll nitħaddtu fix-xhur li ġejjin.

1. Mużika

Għandna r-radju, u YouTube, u Spotify, u iTunes, u mitt elf ħaġ’oħra…iżda kemm minna fil-verita nisimgħu bir-reqqa? F’dinja fejn il-mużika hija kumdita oħra, nixtieq nistedinkom biex tisimgħu. Hi x’inhi l-mużika li tħobb, ħa tkun bniedem aħjar jekk tisma’ sew dak li qed iddoqq.

2. Poeżija

Ninsabu mgħarrqa fil-kliem. Għandna blogs kemm trid (bħal dan!), u biex taqra artiklu kull ma trid hu li tgħafas buttuna. Il-kliem, bħal-mużika, saru kumdita. U bil-mod (jew mhux wisq) qed nitilfu l-arti tal-poeżija; l-arti li nagħżlu l-kliem bir-reqqa u mhux biss għal dak li jfissru iżda għal dak li jinsinwaw u jalludu għalih.

3. Politika

Daqshekk ‘Jien ma jinteressanix fil-politika.’. Il-Politika tkopri ħafna iżjed minn ideoloġiji partiġjani u maġġoranzi elettorali. Hi dwar kif irridu niffurmaw id-dinja ta’ madwarna. S’issa jmissna rrealizzajna li l-politika ta’ wara l-Gwerra falliet. Qegħdin noqorbu dejjem iżjed lejn kunflitt dinji. M’għadniex nemmnu fl-idea ta’ ‘raħal dinji’ – anzi pjuttost infittxu li nsibu differenzi fejn dawn ma jeżistux. L-għazliet politiċi tagħna ser isawwru l-ġejjien tagħna…u bħalissa il-ġejjien mhu jidher xejn sabiħ!

4. Ambjent

Ġejja sena mħarbta għall-ambjent. Fuq skala daqxejn kbira, El Ninõ qed iħossu ċajtier dis-sena, u ser jaqla’ l-inkwiet mad-dinja kollha (bħalissa jien u nikteb dan l-artiklu qed bil-kmiem qosra f’Jannar!). Iżda ovvjament li għandna bżonn hu li nibnu iktar, naħlu iżjed, u nużaw l-ambjent bħala munita…din is-sena rridu kollha kemm aħna nsiru aktar vokali dwar l-ambjent, u għal darba ma narawx biss sal-ponta ta’ mneħirna.

5. Saħħa

Politika ambjentali bażwija twassal ukoll għal saħħa dgħajfa. Bħalissa ninsabu bħala wieħed mill-eħxen pajjiżi fid-dinja (ole!). S’issa għad ma kellniex politika radikali li tieħu ħsieb affarjiet bħal dieta ħażina u ħajja inattiva. U jekk għadek trid tinsisti li tkejjel ħajjtek bl-Ewros, mela kkunsidra li aktar ma tgħix ħażin, akbar ser tkun l-ispiża medika tiegħek. U bilħaqq…hemm diversi mediċini (bħall-antibijotiċi) li m’għadhomx jaħdmu kontra ħafna mard. Tal-ġenn, hux?

6. Sess

Darba waħda kien hemm żmien jgħidulu ’s-Sebgħinijiet’ – kien Żmien tad-Deheb għal kull xorta ta’ mqarberija. Ovvjament mhux li skoprejna s-sess fis-Sebgħinijiet, iżda ħlisnih mill-gaġġa. Is-Sess ma baqax kelma ħażina. Iżda iż-żmien tax-xaba’ malajr mar żmerċ. L-epidemija tal-AIDS, u ż-żieda sostanzjali tal-STDs saru l-pesta ta’ żmienna. Billi ma nitkellmux dwar dawn l-affarjiet inkunu qegħdin naggravaw is-sitwazzjoni. Lil hinn mill-argumenti reliġjużi u morali, irridu nitkellmu dwar is-sess b’mod oġġettiv u xjentifiku. L-injuranza m’għadhiex iżjed skuża tajba u wisq anqas arma.

7. Storja u Tradizzjoni

Id-diżappunt fil-Post Moderniżmu u fl-Ekonomija Globali ġabitna lkoll nostalġiċi b’mod perikoluż. Ir-Retorika Imperjali tar-Russja, il-qilla Evanġelika Amerikana, l-ispirtu tal-Kruċjati tal-IS (u l-ispirtu oppost fl-Ewropa) – dawn kollha jmorru kontra l-ispirtu ‘modern’. Iżda l-affari hija iktar fonda minn hekk. Skirna bl-imgħoddi, u qed nirriskjaw li nerġaw nirrepetu l-istess żbalji. Li nippriservaw il-Passat hi differenti milli nirreplikawh.

8. Kultura

Il-Kultura mihiex biss ftit pitturi sbieħ jew serata t-teatru. Hija ġabra ta’ valuri li jimmanifestaw ruħhom f’dak kollu li noħolqu. Li tbiddel isem ta’ triq, li tirvina xenarju, li tabbanduna l-wirt storiku, li tbagħbas f’ritwal…dawn huma kollha attakki fuq il-kultura li mhumiex inqas serji mill-bumbardamenti bla rażan tal-belt ta’ Palmyra u siti storiċi oħrajn taħt idejn l-IS.

9. Spiritwalita

Miniex ser nuża l-kelma ‘reliġjon’ sempliċiment għax dik il-kelma ta’ spiss iddaħħalna fl-inkwiet (IS għal darb’oħra…) Ir-Reliġjon għandha ħabta tintilef fir-ritwal li, għalkemm bla dubju hu importanti, ma jiswa xejn mingħajr għarfien bażiku tal-element spiritwali. Mihiex dwar l-inċens jew dwar kif tista’ tasal san-Nirvana billi tagħmel daqxejn yoga. Hija dwar kif aħna nħossu d-dinja ta’ madwarna, u li naċċettaw li hemm iktar f’din id-dinja minn dak li s-sensi tagħna jħossu.