San Gejtanu f’nofs l-imxija

F’kemm ilni ħaj, darba tlift il-festa tal-Ħamrun. 

Meta kont ċkejken, dejjem kien hemm xi ziju, zija, jew nanna li kienu joħduni sa’ Strada Rjali. Jekk maz-ziju, għid li ħa nispiċċaw marċ u l-każin. Jekk maz-zija, żewġ passi u waqfa twila għand Elia. Jekk man-nannu, għid li ħa jispjegali bl-akbar paċenzja kull biċċa armar xi tfisser. Jekk man-nanna għid li mhu ħa naslu qatt sa Strada Rjali għax żgur kienet tiltaqa’ ma xi ħadd, u jintefgħu iparlaw. Invarjabilment is-serata kienet tagħlaq b’ġelat jew granita.

Meta bdejt nitfarfar, kont ninżel waħdi jew niltaqa’ ma xi ħbieb. Imbagħad fl-2000 iltqajt magħha, u minn dakinhar ‘l hawn bqajna ninżlu kull sena flimkien. Miniex ser ngħidilkom x’jisimha. Mhux importanti. Naf biss li bla ħadd minna ma lissen kelma, konna nsiġna patt. Il-festa ma nitilfuha qatt. Ħlief darba.

Kienet naħseb is-sena 2003 jew 2004. Hi kienet bdiet taħdem, u tax-xogħol talbuha ssiefer magħhom fuq xogħol. Ma setgħetx tgħid le, minkejja li kienet ħa tkun imsiefra għall-festa. U mhux talli, talli kellha tkun l-Awstralja. Qatt ma naf li għamilt f’qalbi daqs dik is-sena. Ma ersaqtx lejn il-Ħamrun, lanqas għall-marċ wieħed. U hi wkoll kienet qalbha maqsuma. Mhux ħlief tibagħtli ‘kieku bħalissa ħiereġ il-marċ’ jew ‘kieku bħalissa wasal biex jidħol’. 

Ħlifna li ma nitilfux festa oħra. U s’issa żammejna kelmtna.

Kull sena naraw niddubbawx jew nagħmlux flokk ġdid. Kull sena ma nfallux marċ, u s-sibt filgħaxija norqod għand ħabibti biex il-Ħadd filgħodu nbakkrulu. Mas-sitta ta’ filgħodu nkunu qegħdin nippreparaw l-ikel għal bejn u wara l-marċ. Mat-tokki tal-Anġelus inkunu qegħdin diġa nkantaw il-marċi u narmaw il-bitħa bil-bnadar li nkunu ġbarna matul il-ġimgħa. 

Imbagħad mal-ħdax ninżlu Strada Rjali. L-ewwel ngħaddu minn nofs baħar blu hekk kif tal-Miskina jkunu qegħdin ilestu biex jibdew il-marċ minn quddiem il-każin. Nieqfu nsellmu lil dak u lill-ieħor – aħmar jew blu – bħal donnu ninsew li sa kwart’oħra nkunu qegħdin ngħajru lil xulxin mal-marċ. Imbagħad nilħqu l-marċ ħiereġ mill-każin tat-Tamal, u l-folla bla sabar timbotta għal quddiem tal-Miskina. 

Fil-folla niltaqgħu ma nies li narawhom biss fil-festa. U tibda l-maratona…l-Innu Marċ, il-Bandiera Ħamra, il-Fiesta, ‘wasal iż-żmien’, ‘taralalla’…wieħed f’wieħed. Jekk hemm xi ħadd ħaqqu ġieh ir-Repubblika huma l-bandisti tal-marċ ta’ filgħodu f’San Gejtanu. Birra, għaraq, kant imħanxar, u għal ftit mumenti prezzjużi kulħadd isir ħaġa waħda. 

Kif jispiċċa l-marċ minn quddiem tal-Miskina dritt għal għand ħabibti. Insomma, mhux dritt dritt, dik il-birra kiesħa m’għand il-Horseshoe Bar ta’ fejn ir-Rex jinżel għasel. Għand ħabibti jkun qisu tieġ. Ikel, nies, u daħq. U mas-sagħtejn ġirja oħra ħa nilħqu l-marċ dieħel.

Taħsbux li nieqfu hemm. Mill-każin tat-tamal sad-dar hemm wisq x’iżżur: l-iSpartans, tan-Nazzjonalisti, is-Civic, tal-Lejber…tal-Miskina. Iva, ħomor minn fuq s’isfel, dejjem nidħlu f’tal-Miskina. Qatt ma kellna problemi, għax min jaqla’ l-inkwiet fil-marċ ma jkunx la Tamli u lanqas Miskin…insomma jkun ‘miskin’ iżda mhux fis-sens Ħamruniż. 

Meta mat-tmienja ta’ filgħaxija San Gejtanu jibda riesaq bil-mod il-mod lejn il-knisja, tibda tħoss l-eċitament fil-miġemgħa hemm miġbura. Imbagħad jasal quddiem il-bieb, u r-reffiegħa jieħdu l-pożizzjoni…u jibda dak l-imbierek innu marċ, u qalb kull Ħamruniż tieqaf għal ftit sekondi. Wieħed, tnejn, tlieta…u l-folla tisplodi f’ewforija. 

Ħafna nies jaħsbu li l-festa hi bħal film The Ten Commandments: tiġi darba f’sena u qisek trid tieħu sehem ta’ bilfors. Vera, ċertu affarjiet qajla jinbidlu: il-marċi tal-banda, ir-riħa ta’ birra, il-bankijiet tal-knisja li ormai saru vintage. Iżda kull festa ġġib magħha stejjer ġodda – uċuh ġodda u uċuh nieqsa.

Xi darba forsi nirrakonta iktar mill-bluhat tal-festa, iżda mhux illum. Din is-sena, kull tifkira stallett, bħal dik is-sena li ma nżilnix il-marċ, għalkemm din is-sena mhux eżatt l-istess. Din is-sena ser ikun hu li ma joħroġx. 

Faċli wieħed jaqa’ f’taħdidiet fatalisti ta’ ‘abbandunana’ jew ‘dan kastig’, iżda dawn bluhat. San Gejtanu qatt ma’ ‘ħareġ’ hu minn jeddu, tal-inqas mhux minn mindu miet fl-1547. Lil San Gejtanu dejjem ħriġnih aħna, u xrobna f’ismu, u dgħajna f’ismu, u għamilna kull xorta ta’ bluha f’ismu li frankament niddubita kienx japprova minnhom.

Iżda kuntrarju għal ħafna, San Gejtanu ma telax fuq pulptu u ppriedka l-ħaqq u r-rabja t’Alla. Minnflok, ċaħad ġidu (kien minn familja Veneta sinjura), xammar il-kmiem u mar jaħdem mal-foqra u mal-morda. Kieku jiġi llum, żgur ma kienx japprova mill-bluha tal-marċ tal-Ħamrun, iżda ma kienx jiġġudika lanqas. Kien jifhem li aħna dgħajfa, u fraġli, u li l-vera ħażen mhux ftit birra żejda fix-xemx t’Awwissu, iżda l-ħafna flus żejda f’idejn il-ftit is-sena kollha.

Kien jaħfer lil nannti tad-drabi li qas biss waslet sa Strada Rjali aħseb u ara kemm ħaditni l-festa narah, għax waqfet fil-kantuniera ta’ fejn ir-Rex titkellem ma’ xi ħadd. Kien jaħfirli d-drabi li ma rajtux la ħiereġ u lanqas dieħel għax jien u ħabibti xrobna ftit iżżejjed fil-marċ. U kien jaħfrilna kollha kemm aħna ta’ kemm-il darba konna bnedmin dgħajfa u fallibli. Basta kultant nagħmlu tikka sforz biex inkunu. tikka inqas dgħajfa.

Din is-sena ma tliftx il-festa. Din is-sena qed nitgħallem inkun ftit inqas dgħajjef.

Dak li jifdal

If you would like to read this in English click here

Din naħseb it-tletin darba li qed nipprova nikteb erba’ kelmiet f’dawn l-aħħar xhur. Kull darba li nsib ftit ħin u paċi, u npoġġi bilqegħda, dejjem jara x’jinqala’. Minn fejn taqbad tibda? 

Huwa inkwetanti meta f’temp ta’ ġimgħa trid tiddeċiedi x’inhu l-iktar serju, hux iż-żieda fil-każi tal-Covid19, l-attentat suwiċidju ta’ kriminal involut f’xibka ikbar ta’ kriminalità, jew il-mewta traġika ta’ ħaddiem barrani (u l-korriment ta’ ħaddiem Malti) f’inċident ieħor marbut mal-industrija tal-bini.

Iżda naħseb xejn mhu agħar mill-messaġġi mħawda u inċerti li donnhom ħerġin bħall-pastizzi minn kull rokna tal-ħajja ta’ madwarna. ‘Ilbes maskra’, ‘kollox normali’, ‘irbaħna’, ‘żommu d-distanza’…liem għandna nsegwu eżattament? Donnu ħadd ma jrid ikun responsabbli ta’ xejn, u ħadd ma jrid joħroġ għonqu u jgħid lin-nies ‘Iva’ jew ‘Le’. 

Wasalt fi stat fejn lanqas nista’ ngħid għandi xi forma ta’ rabja. Sempliċiment għejja, u diżappunt. Kulħadd mehdi jgħix qisu qatt ma ġara xejn – qisu m’hawnx imxija, jew ma mietux nies b’inċidenti, jew m’hawnx sfidi kbar ekonomiċi quddiemna. Le, l-importanti li kulħadd jemmen il-mantra ‘kollox hu tajjeb, kollox miexi sew.’

Wara snin ta’ ‘l-aqwa fl-Ewropa’ ħadd m’hu lest jammetti lanqas l-iċken nuqqas. Dan bħal meta lil wildek tgħidlu ‘int l-isbaħ fid-dinja’, u jmur l-iskola l-ewwel darba u jinduna li mhux l-isbaħ. X’tagħmel tiksirlu qalbu u tgħidlu li s-sbuħija hija suġġettiva? Jew tkompli tikkonvinċih li hu l-isbaħ sakemm fl-aħħar jemmnek? Forsi dak il-ħin tiffrankalu bikja….iżda għad jgħaddu s-snin u fl-aħħar jinduna li gdibtlu, u jkun imiss lilek tibki.

Iżda nsejna kif nibku. Il-mewt ta’ Miriam Pace ħarġet ftit rabja fina, u dik ta’ Sarjo Conteh kemmxet ftit xufftejn. Iżda mill-bqija, lanqas demgħa. Insejna ħafna affarjiet minn daqshekk. Insejna kif ngħixu ma’ xulxin. Lanqas laħqu tneħħew il-miżuri kollha ta’ żmien l-imxija li erġajna nsejna lil min hu batut u lil min hu waħdu. Anke kif inżommu kju insejna. Kemm-il inizjattiva ta’ solidarjetà u karità intemmu ħesrem? 

U fejn hu Alla? Fejn hu Dak li suppost iħobbna u jismagħna? Għaliex m’għadux ikellimna? Kemm ħriġnihom malajr il-vari u l-qaddisin! Kemm ċapċapna fil-marċ mal-ewwel opportunità! Kemm konna pronti nidħqu meta reġgħu feġġew il-każi wara li ta’ San Ġorġ t’Għawdex ħarġu jgħajtu ‘ħriġnieh u naqsu l-każi’!

Bħal dak li kieku Kristu qal lill-folla ‘Imberkin dawk li jkantaw il-Fiesta għax tagħhom hi s-Saltna tas-Smewwiet! Possibli m’aħniex kapaċi ngħixu mingħajr marċ jew ġurnata f’pixxina? Għalhekk nemmnu f’Alla u fil-qaddisin, bħal li kieku huma xi forma ta’ supereroj tal-komiks lesti jiġġieldu kontra mostri ta’ kull daqs?

Tifhmunix ħażin – jien mejda tal-qubbajd. Il-festi huma l-hena tiegħi, għax nifhem l-importanza tar-ritwal komunitarju. Nifhem is-sbuħija tal-marċ ta’ filgħodu daqs kemm nifhem is-sbuħija tal-mumenti ta’ solitudni fi knisja vojta quddiem kurċifiss. Iżda x’jiswa li ċċapċap u tgħajjat ‘Viva San Dak’ jew ‘Magus’ jew ‘Viva l-Omm!’ jekk ma tifhimx x’inhu dak li jagħmel lil dawn in-nies tant kbar li saru qaddisin?

Ħamrun – il-bidu tal-marċ

Kemm minna lesti li jiċħdu l-ġid kollu tagħhom u jitgħarrsu mal-faqar bħalma għamel San Franġisk? Tridu tirbħu l-imxija? Mela għamlu bħal San Karlu Borromeo li fl-1576 meta faqqgħet il-pesta ġewwa Milan xammar il-kmiem u ħa ħsieb il-morda. U meta tiġi f’mument li tagħżlu bejn dak li trid u dak li meħtieġ, kemm minnkom lesti jgħidu ‘Hawn jien il-qaddej(ja) tal-Mulej, tkun magħmula r-rieda tiegħek?’

Għax il-mirakli u l-mumenti ta’ estażi huma sbieħ, iżda dawk huma biss farkiet minn ħajjiet twal u iebsa li għexu dawn in-nies mortali bħalna. Nies li għelbu l-imperfezzjoni tagħhom sabiex iduqu l-perfezzjoni. 

Iżda s-sbuħija u l-perfezzjoni ma jdawrux lira, u l-ekonomija hija l-unika twemmin li nħaddnu. Il-pajjiż jitkejjel biss b’kemm żdiedu l-flus, mhux bil-kuntentizza jew is-serħan il-moħħ. U qegħdin dejjem neqirdu l-istejjer li jgħaqqduna – magħluqin dejjem iktar f’dinjiet solitarji. Ħajjitna qegħdin ngħixu dejjem iktar f’kaxex tal-konkos u tal-ħadid. Imbagħad kultant żmien immorru ninfexxu f’xi festa jew pool party u l-għada lura għal ġol-kaxxa.

Sakemm xi darba għad insibu ruħna wiċċ imb’wiċċ mal-aħħar kaxxa u nħarsu madwarna u nsibu li ħlejna ħajjitna. Nippruvaw niftakru l-mumenti s-sbieħ, u nsibu li f’moħħna hemm biss ċpar. U għad inkunu rridu nibku, u ma nistgħux, għax insejna kif. U nduru fuq ta’ madwarna, u ma nsibu li bħalna nsew kif jibku. 

Il-Marċ

Tini jdejk, u imxi miegħi

Għad-dell taċ-ċraret li dendilna

Sabiex induqu nitfa ġenna.

 

Ħalli ‘il qalbek titwaħħad

Mad-daqqa kiefra tal-katuba;

Agħlaq għajnejk, u ħallih iħabbat.

 

Tini jdejk, u ixrob miegħi

Mill-ħlewwa qarrieqa tal-flixkun

Għax minn għada, mrar biss.

 

Mela ejja u għanni miegħi

F’dil-qrara bla penitenza,

Ja ħija fid-Dnub tan-Nisel.

Æ