San Gejtanu f’nofs l-imxija

F’kemm ilni ħaj, darba tlift il-festa tal-Ħamrun. 

Meta kont ċkejken, dejjem kien hemm xi ziju, zija, jew nanna li kienu joħduni sa’ Strada Rjali. Jekk maz-ziju, għid li ħa nispiċċaw marċ u l-każin. Jekk maz-zija, żewġ passi u waqfa twila għand Elia. Jekk man-nannu, għid li ħa jispjegali bl-akbar paċenzja kull biċċa armar xi tfisser. Jekk man-nanna għid li mhu ħa naslu qatt sa Strada Rjali għax żgur kienet tiltaqa’ ma xi ħadd, u jintefgħu iparlaw. Invarjabilment is-serata kienet tagħlaq b’ġelat jew granita.

Meta bdejt nitfarfar, kont ninżel waħdi jew niltaqa’ ma xi ħbieb. Imbagħad fl-2000 iltqajt magħha, u minn dakinhar ‘l hawn bqajna ninżlu kull sena flimkien. Miniex ser ngħidilkom x’jisimha. Mhux importanti. Naf biss li bla ħadd minna ma lissen kelma, konna nsiġna patt. Il-festa ma nitilfuha qatt. Ħlief darba.

Kienet naħseb is-sena 2003 jew 2004. Hi kienet bdiet taħdem, u tax-xogħol talbuha ssiefer magħhom fuq xogħol. Ma setgħetx tgħid le, minkejja li kienet ħa tkun imsiefra għall-festa. U mhux talli, talli kellha tkun l-Awstralja. Qatt ma naf li għamilt f’qalbi daqs dik is-sena. Ma ersaqtx lejn il-Ħamrun, lanqas għall-marċ wieħed. U hi wkoll kienet qalbha maqsuma. Mhux ħlief tibagħtli ‘kieku bħalissa ħiereġ il-marċ’ jew ‘kieku bħalissa wasal biex jidħol’. 

Ħlifna li ma nitilfux festa oħra. U s’issa żammejna kelmtna.

Kull sena naraw niddubbawx jew nagħmlux flokk ġdid. Kull sena ma nfallux marċ, u s-sibt filgħaxija norqod għand ħabibti biex il-Ħadd filgħodu nbakkrulu. Mas-sitta ta’ filgħodu nkunu qegħdin nippreparaw l-ikel għal bejn u wara l-marċ. Mat-tokki tal-Anġelus inkunu qegħdin diġa nkantaw il-marċi u narmaw il-bitħa bil-bnadar li nkunu ġbarna matul il-ġimgħa. 

Imbagħad mal-ħdax ninżlu Strada Rjali. L-ewwel ngħaddu minn nofs baħar blu hekk kif tal-Miskina jkunu qegħdin ilestu biex jibdew il-marċ minn quddiem il-każin. Nieqfu nsellmu lil dak u lill-ieħor – aħmar jew blu – bħal donnu ninsew li sa kwart’oħra nkunu qegħdin ngħajru lil xulxin mal-marċ. Imbagħad nilħqu l-marċ ħiereġ mill-każin tat-Tamal, u l-folla bla sabar timbotta għal quddiem tal-Miskina. 

Fil-folla niltaqgħu ma nies li narawhom biss fil-festa. U tibda l-maratona…l-Innu Marċ, il-Bandiera Ħamra, il-Fiesta, ‘wasal iż-żmien’, ‘taralalla’…wieħed f’wieħed. Jekk hemm xi ħadd ħaqqu ġieh ir-Repubblika huma l-bandisti tal-marċ ta’ filgħodu f’San Gejtanu. Birra, għaraq, kant imħanxar, u għal ftit mumenti prezzjużi kulħadd isir ħaġa waħda. 

Kif jispiċċa l-marċ minn quddiem tal-Miskina dritt għal għand ħabibti. Insomma, mhux dritt dritt, dik il-birra kiesħa m’għand il-Horseshoe Bar ta’ fejn ir-Rex jinżel għasel. Għand ħabibti jkun qisu tieġ. Ikel, nies, u daħq. U mas-sagħtejn ġirja oħra ħa nilħqu l-marċ dieħel.

Taħsbux li nieqfu hemm. Mill-każin tat-tamal sad-dar hemm wisq x’iżżur: l-iSpartans, tan-Nazzjonalisti, is-Civic, tal-Lejber…tal-Miskina. Iva, ħomor minn fuq s’isfel, dejjem nidħlu f’tal-Miskina. Qatt ma kellna problemi, għax min jaqla’ l-inkwiet fil-marċ ma jkunx la Tamli u lanqas Miskin…insomma jkun ‘miskin’ iżda mhux fis-sens Ħamruniż. 

Meta mat-tmienja ta’ filgħaxija San Gejtanu jibda riesaq bil-mod il-mod lejn il-knisja, tibda tħoss l-eċitament fil-miġemgħa hemm miġbura. Imbagħad jasal quddiem il-bieb, u r-reffiegħa jieħdu l-pożizzjoni…u jibda dak l-imbierek innu marċ, u qalb kull Ħamruniż tieqaf għal ftit sekondi. Wieħed, tnejn, tlieta…u l-folla tisplodi f’ewforija. 

Ħafna nies jaħsbu li l-festa hi bħal film The Ten Commandments: tiġi darba f’sena u qisek trid tieħu sehem ta’ bilfors. Vera, ċertu affarjiet qajla jinbidlu: il-marċi tal-banda, ir-riħa ta’ birra, il-bankijiet tal-knisja li ormai saru vintage. Iżda kull festa ġġib magħha stejjer ġodda – uċuh ġodda u uċuh nieqsa.

Xi darba forsi nirrakonta iktar mill-bluhat tal-festa, iżda mhux illum. Din is-sena, kull tifkira stallett, bħal dik is-sena li ma nżilnix il-marċ, għalkemm din is-sena mhux eżatt l-istess. Din is-sena ser ikun hu li ma joħroġx. 

Faċli wieħed jaqa’ f’taħdidiet fatalisti ta’ ‘abbandunana’ jew ‘dan kastig’, iżda dawn bluhat. San Gejtanu qatt ma’ ‘ħareġ’ hu minn jeddu, tal-inqas mhux minn mindu miet fl-1547. Lil San Gejtanu dejjem ħriġnih aħna, u xrobna f’ismu, u dgħajna f’ismu, u għamilna kull xorta ta’ bluha f’ismu li frankament niddubita kienx japprova minnhom.

Iżda kuntrarju għal ħafna, San Gejtanu ma telax fuq pulptu u ppriedka l-ħaqq u r-rabja t’Alla. Minnflok, ċaħad ġidu (kien minn familja Veneta sinjura), xammar il-kmiem u mar jaħdem mal-foqra u mal-morda. Kieku jiġi llum, żgur ma kienx japprova mill-bluha tal-marċ tal-Ħamrun, iżda ma kienx jiġġudika lanqas. Kien jifhem li aħna dgħajfa, u fraġli, u li l-vera ħażen mhux ftit birra żejda fix-xemx t’Awwissu, iżda l-ħafna flus żejda f’idejn il-ftit is-sena kollha.

Kien jaħfer lil nannti tad-drabi li qas biss waslet sa Strada Rjali aħseb u ara kemm ħaditni l-festa narah, għax waqfet fil-kantuniera ta’ fejn ir-Rex titkellem ma’ xi ħadd. Kien jaħfirli d-drabi li ma rajtux la ħiereġ u lanqas dieħel għax jien u ħabibti xrobna ftit iżżejjed fil-marċ. U kien jaħfrilna kollha kemm aħna ta’ kemm-il darba konna bnedmin dgħajfa u fallibli. Basta kultant nagħmlu tikka sforz biex inkunu. tikka inqas dgħajfa.

Din is-sena ma tliftx il-festa. Din is-sena qed nitgħallem inkun ftit inqas dgħajjef.

Souvenir de Ħamrun!

Darba fis-sena, għal ġimgħa sħiħa, nitlef ftit għaqli wara San Gejtanu. Wara sena sħiħa ta’ stennija u tħejjija, kif jasal Awwissu nkun qisni ras maqtugħa. Il-festi nħobbhom, u qisni mejda tal-qubbajt…kważi ndurhom kollha. In-nies, il-briju, il-marċi, in-nar, l-armar…il-ġenn ta’ spettaklu teatrali u ta’ ritwal kollettiv uniku fid-dinja.

Iżda San Gejtanu speċjali. Kultant jitfgħuli l-mistoqsija ‘Int minn fejn int?’ u għamilt snin twal f’dilemma kbira. Minn naħa t’ommi Ħamruniżi, b’għeruq Beltin u Karkariżi, u minn naħa ta’ missieri minn Birżebbuġa, b’għeruq Kalkariżi u Vendriżi…u biex l-affari tkun iktar kumplikata, l-ewwel snin ta’ ħajjti għexthom il-Mosta, u mgħammed hemm.

U hawnhekk jidħlu n-nanniet materni. Minn naħa kelli lin-nanna Ġiovanna li kienet tħobb lil Santa Liena daqs li kieku ommha, u tħobb lili daqs li kieku binha. Kull skuża kont insib biex inqatta’ jumejn għand in-nanna, u fil-weekends u fil-vaganzi u festi, arani nippakja l-basket u dritt għal għand nannti. U hemmhekk kien ikun hemm zijuwi Joey, mejda tal-qubbajd daqsi, li rawwimni f’din id-dinja meraviljuża ta’ storbju u kuluri. Ma nistax ma nsemmix ukoll lin-nannu Toni, li ta’ Belti mrobbi Bormla kien niseġ kampanja sħiħa ta’ propaganda favur San Duminku u l-Kunċizzjoni.  U din it-trinita festiva kienet tingħaqad biss darba fis-sena għal San Gejtanu, u b’hekk sirt Ħamruniż.

Miskina l-Kunċizzjoni tal-Ħamrun; nannti qatt ma ħafritielha li spiċċat hi t-titular meta  parti mill-Ħamrun inqasmet f’parroċċa ġdida. ‘Lill-Madonna ħelwa u nħobbha, għax dik il-Madonna,’ qaltli darba nannti fil-gallarija hi hu għaddejja l-purċissjoni bil-Kunċizzjoni, ‘iżda San Gejtanu l-vera patrun tal-Ħamrun.’ U la qalet hekk nannti, mela benfatt! Erħilna f’San Gejtanu narmaw il-gallarija, u nagħmlu ikla minn dawk li ma jispiċċaw qatt. Imqarrun il-forn, laħam, zalzett, patata l-forn bil-bużbież, karawett, u dik il-klassika trifle bin-Nestle Cream li kienet saret oramai istituzzjoni. Iżda ż-żmien jgħaddi u jbiddilna, u n-nanna mardet, u l-kamra tal-ikel malajr siktet fl-ewwel ġimgħa t’Awwissu. U jien ukoll kbirt, u għal ftit żmien bħal donnu kien ser jispiċċa kollox…sakemm sibt kompliċi.

Jien u Olwyn

Jien u Olwyn

Lill-Olwyn ilni nafha xi 15-il sena. Kelmtejn ridna biex insiru kompliċi. ‘Minn fejn int?’ ‘Ħamrun’. U wara kien imiss il-mistoqsija ‘Tat-Tamal jew tal-Miskina?’ ‘Tat-Tamal’. Kienet ħbiberija li nibtet fi żmien kruċjali…iż-żmien li fih skoprejna l-ħruġ u l-alkoħol u l-festa ta’ San Gejtanu! Ovvjament ta’ Ħamruniżi li aħna konna midħla sew tal-festa, imma issa bdejna niskopruha weħidna, bogħod minn ħarset il-familja, li għal dik il-ġimgħa kienu jagħlqu għajn waħda u taparsi ma jafux x’konna nipprinzipjaw! U ma’ Olwyn San Gejtanu rregalali familja oħra. Johnny u Lucia, missierha u ommha, nies li laqgħuni ġo darhom daqs li kieku binhom, u magħhom sensiela twila ta’ zijiet u qraba u ħbieb li ta’ kull sena jiltaqgħu għandhom biex jiċċelebraw.

Il-festa tibda eżatt kif jgħaddi San Gejtanu, qisu ċiklu vizzjuż ta’ dipendenza festiva. Għal sena sħiħa nibagħtu messaġġi lil xulxin: ritratti tal-festa, biċċiet mill-innijiet u l-marċi, pjanijiet għall-festa li jmiss. Imbagħad jersaq Ġunju, u l-messaġġi jsiru aktar urġenti, u sal-aħħar ta’ Lulju inkunu qisna mġienen.

San Gejtanu joħroġ minn niċċa l-Erbgħa ta’ qabel il-ġimgħa tal-festa. Għid li kif joħroġ minn niċċa, il-Ħamrun ikun qisu manikomju, Arbli, festuni, liedna, u fuq kollox, preparamenti għal dik l-istituzzjoni Ħamruniża tant importanti: Il-Bar tal-Festa! Matul il-festa, l-ammont ta’ bars fil-Ħamrun jittriplikaw. Minn tarf s’ieħor ta’ Strada Rjali jinbtu stabbilimenti tax-xorb, anke minn ħwienet li ilhom magħluqin għan-negozju s-snin.

Ninżlu biss għall-marċi tat-Tamal. Matul il-ġimgħa nippruvaw inżommu d-dekor, iżda hekk kif jasal il-marċ u jibda jdoqq dawk il-marċi klassiċi Tamlin; Harmony, Bernardette, Ourasi, Appassionata, Bandiera Ħamra, hemmhekk nintilfu. U mhux jien u Olwyn biss, iżda b’Johnny u Lucia b’kollox! Fil-Ħamrun il-marċ huwa istituzzjoni demokratika: minn kulħadd, għal kulħadd!

Johnny u Lucia...u jien :)

Johnny u Lucia…u jien 🙂

Iżda l-isbaħ ritwal hu mis-Sibt għall-Ħadd. Wara l-marċ tas-Sibt filgħaxija, ta’ kull sena, nagħmlu l-istess ħaġa. L-ewwel nies inċaqalqu l-karozzi f’xi nofs ta’ lejl biex ikunu iktar viċin. Emmnuni, wara l-marċ tal-Ħadd filgħodu ma tkunx trid timxi lanqas 5 minuti! Imbagħad l-għada nqumu kmieni u nippreparaw il-festin għand Johnny u Lucia. Invarjabilment ikun hemm il-ġlidiet tas-soltu: ‘Fejn hu l-ħobż?’ ‘Mhux int kellek iġġibu?’ ‘Le int…’ ‘Haw sibtu’ etc etc etc

Mad-09:30 jibdew jitfaċċaw in-nies. Zijiet, ġirien, ħbieb…kulħadd jgħaddi jgħid bonġu u hu nieżel biex jara l-marċ ħiereġ. Mal-11 Strada Rjali tkun ippakjata. Folla blu quddiem tal-Miskina, u oħra ħamra quddiem tat-Tamal. Kulħadd jistenna…u jixrob. Nistgħu ngħidu li mal-11 inkunu qisna planetarju…għax kulħadd stilla! Imbagħad dik il-BumBum tal-katuba, u jisplodi kollox!

Għandkom idea taċ-ċirkwit tal-karozzi ta’ Montecarlo? Dak hu l-marċ tal-Ħamrun. Hekk kif tal-Miskina jibdew mexjin, tat-Tamal jagħtu ġirja waħda għal quddiemhom sabiex…errm…nagħtuhom l-awguri tal-festa! Minn naħa tagħhom huma jibdew ġirja twila biex iduru nofs il-Ħamrun f’siegħa ħalli jiġu quddiem tat-Tamal u jirritornawlna l-awguri!

Imbagħad tiġi l-parti l-kwieta tal-marċ. Kif tat-Tamal jibdew mexjin kulħadd imur jixrob x’imkien. Aħna nintefgħu fil-bar tat-Triq tar-Rex…bar li nidħol fih biss fi żmien il-festa u dejjem ninsa x’jismu! Minn hemm lura għand Johnny u Lucia u nkomplu nieklu u nixorbu. Tiskanta kemm jiffjakkak it-tgħajjir!

Malli jdoqqu s-sagħtejn nibdew ninġabru ħa nilħqu l-marċ dieħel. Ikollna ngħaddu minn wara l-knisja, għax inkella nispiċċaw f’nofs il-marċ tal-Miskina…u kif inkunu mlaħalħin u ħomor minn fuq s’isfel, ma tkunx idea tajba! Naslu hemm u nagħtu l-aħħar salt. Siegħa ta’ qbiż u għajjat u kant f’dik is-sħana u tidlik ta’ birra u għaraq.

Nixtieq ngħid li dak ikun it-tmiem, iżda malli jidħol il-marċ jibda pellegrinaġġ twil matul il-bars tal-Ħamrun. Tiftakruhom il-bars spontanji tal-festa? Kollha nduruhom, u magħhom l-Ispartans, is-Civic Club, il-Każin tan-Nazzjonalisti, il-każin tal-Labour, u anke tal-Miskina! Min ma jkunx Ħamruniż jaħseb li ma nidħlux għand xulxin…u sakemm ikun għaddej il-marċ le ma nidħlux…iżda fil-verita wara kulħadd imur għand kulħadd. Ic-Cisk Lager ma jgħarafx partiti!

Il-bidu tal-marċ

Il-bidu tal-marċ

Kif idoqqu l-erbgħa nibdew bil-mod il-mod nitkaxkru sad-dar. Mhux dejjem naslu flimkien…u ġieli tlifna nies warajna! U ġieli ntlift jien! Imma b’xi miraklu dejjem naslu lura s’għand Johnny u Lucia. U hemmhekk insibu jistenniena platt għaġin u fenek stuffat. Forsi tistħajjilkom tgħidu ‘jaqq’ wara dak kollu, iżda emmnuni dak il-ħin jinżel għasel! U l-fenek stuffat ta’ Luċia mhux la kemm tgħidlu le!

Xawer. Sodda. Raqda twila bit-tama li l-istonku jżomm. Mhux dejjem jirnexxielna. Imbagħad jekk inkunu kapaċi, immorru naraw lil San Gejtanu jagħti l-aħħar rankatura għal ġol-knisja. U kif jispiċċa kollox nerġgħu nibdew noħolmu għas-sena ta’ wara.