San Gejtanu f’nofs l-imxija

F’kemm ilni ħaj, darba tlift il-festa tal-Ħamrun. 

Meta kont ċkejken, dejjem kien hemm xi ziju, zija, jew nanna li kienu joħduni sa’ Strada Rjali. Jekk maz-ziju, għid li ħa nispiċċaw marċ u l-każin. Jekk maz-zija, żewġ passi u waqfa twila għand Elia. Jekk man-nannu, għid li ħa jispjegali bl-akbar paċenzja kull biċċa armar xi tfisser. Jekk man-nanna għid li mhu ħa naslu qatt sa Strada Rjali għax żgur kienet tiltaqa’ ma xi ħadd, u jintefgħu iparlaw. Invarjabilment is-serata kienet tagħlaq b’ġelat jew granita.

Meta bdejt nitfarfar, kont ninżel waħdi jew niltaqa’ ma xi ħbieb. Imbagħad fl-2000 iltqajt magħha, u minn dakinhar ‘l hawn bqajna ninżlu kull sena flimkien. Miniex ser ngħidilkom x’jisimha. Mhux importanti. Naf biss li bla ħadd minna ma lissen kelma, konna nsiġna patt. Il-festa ma nitilfuha qatt. Ħlief darba.

Kienet naħseb is-sena 2003 jew 2004. Hi kienet bdiet taħdem, u tax-xogħol talbuha ssiefer magħhom fuq xogħol. Ma setgħetx tgħid le, minkejja li kienet ħa tkun imsiefra għall-festa. U mhux talli, talli kellha tkun l-Awstralja. Qatt ma naf li għamilt f’qalbi daqs dik is-sena. Ma ersaqtx lejn il-Ħamrun, lanqas għall-marċ wieħed. U hi wkoll kienet qalbha maqsuma. Mhux ħlief tibagħtli ‘kieku bħalissa ħiereġ il-marċ’ jew ‘kieku bħalissa wasal biex jidħol’. 

Ħlifna li ma nitilfux festa oħra. U s’issa żammejna kelmtna.

Kull sena naraw niddubbawx jew nagħmlux flokk ġdid. Kull sena ma nfallux marċ, u s-sibt filgħaxija norqod għand ħabibti biex il-Ħadd filgħodu nbakkrulu. Mas-sitta ta’ filgħodu nkunu qegħdin nippreparaw l-ikel għal bejn u wara l-marċ. Mat-tokki tal-Anġelus inkunu qegħdin diġa nkantaw il-marċi u narmaw il-bitħa bil-bnadar li nkunu ġbarna matul il-ġimgħa. 

Imbagħad mal-ħdax ninżlu Strada Rjali. L-ewwel ngħaddu minn nofs baħar blu hekk kif tal-Miskina jkunu qegħdin ilestu biex jibdew il-marċ minn quddiem il-każin. Nieqfu nsellmu lil dak u lill-ieħor – aħmar jew blu – bħal donnu ninsew li sa kwart’oħra nkunu qegħdin ngħajru lil xulxin mal-marċ. Imbagħad nilħqu l-marċ ħiereġ mill-każin tat-Tamal, u l-folla bla sabar timbotta għal quddiem tal-Miskina. 

Fil-folla niltaqgħu ma nies li narawhom biss fil-festa. U tibda l-maratona…l-Innu Marċ, il-Bandiera Ħamra, il-Fiesta, ‘wasal iż-żmien’, ‘taralalla’…wieħed f’wieħed. Jekk hemm xi ħadd ħaqqu ġieh ir-Repubblika huma l-bandisti tal-marċ ta’ filgħodu f’San Gejtanu. Birra, għaraq, kant imħanxar, u għal ftit mumenti prezzjużi kulħadd isir ħaġa waħda. 

Kif jispiċċa l-marċ minn quddiem tal-Miskina dritt għal għand ħabibti. Insomma, mhux dritt dritt, dik il-birra kiesħa m’għand il-Horseshoe Bar ta’ fejn ir-Rex jinżel għasel. Għand ħabibti jkun qisu tieġ. Ikel, nies, u daħq. U mas-sagħtejn ġirja oħra ħa nilħqu l-marċ dieħel.

Taħsbux li nieqfu hemm. Mill-każin tat-tamal sad-dar hemm wisq x’iżżur: l-iSpartans, tan-Nazzjonalisti, is-Civic, tal-Lejber…tal-Miskina. Iva, ħomor minn fuq s’isfel, dejjem nidħlu f’tal-Miskina. Qatt ma kellna problemi, għax min jaqla’ l-inkwiet fil-marċ ma jkunx la Tamli u lanqas Miskin…insomma jkun ‘miskin’ iżda mhux fis-sens Ħamruniż. 

Meta mat-tmienja ta’ filgħaxija San Gejtanu jibda riesaq bil-mod il-mod lejn il-knisja, tibda tħoss l-eċitament fil-miġemgħa hemm miġbura. Imbagħad jasal quddiem il-bieb, u r-reffiegħa jieħdu l-pożizzjoni…u jibda dak l-imbierek innu marċ, u qalb kull Ħamruniż tieqaf għal ftit sekondi. Wieħed, tnejn, tlieta…u l-folla tisplodi f’ewforija. 

Ħafna nies jaħsbu li l-festa hi bħal film The Ten Commandments: tiġi darba f’sena u qisek trid tieħu sehem ta’ bilfors. Vera, ċertu affarjiet qajla jinbidlu: il-marċi tal-banda, ir-riħa ta’ birra, il-bankijiet tal-knisja li ormai saru vintage. Iżda kull festa ġġib magħha stejjer ġodda – uċuh ġodda u uċuh nieqsa.

Xi darba forsi nirrakonta iktar mill-bluhat tal-festa, iżda mhux illum. Din is-sena, kull tifkira stallett, bħal dik is-sena li ma nżilnix il-marċ, għalkemm din is-sena mhux eżatt l-istess. Din is-sena ser ikun hu li ma joħroġx. 

Faċli wieħed jaqa’ f’taħdidiet fatalisti ta’ ‘abbandunana’ jew ‘dan kastig’, iżda dawn bluhat. San Gejtanu qatt ma’ ‘ħareġ’ hu minn jeddu, tal-inqas mhux minn mindu miet fl-1547. Lil San Gejtanu dejjem ħriġnih aħna, u xrobna f’ismu, u dgħajna f’ismu, u għamilna kull xorta ta’ bluha f’ismu li frankament niddubita kienx japprova minnhom.

Iżda kuntrarju għal ħafna, San Gejtanu ma telax fuq pulptu u ppriedka l-ħaqq u r-rabja t’Alla. Minnflok, ċaħad ġidu (kien minn familja Veneta sinjura), xammar il-kmiem u mar jaħdem mal-foqra u mal-morda. Kieku jiġi llum, żgur ma kienx japprova mill-bluha tal-marċ tal-Ħamrun, iżda ma kienx jiġġudika lanqas. Kien jifhem li aħna dgħajfa, u fraġli, u li l-vera ħażen mhux ftit birra żejda fix-xemx t’Awwissu, iżda l-ħafna flus żejda f’idejn il-ftit is-sena kollha.

Kien jaħfer lil nannti tad-drabi li qas biss waslet sa Strada Rjali aħseb u ara kemm ħaditni l-festa narah, għax waqfet fil-kantuniera ta’ fejn ir-Rex titkellem ma’ xi ħadd. Kien jaħfirli d-drabi li ma rajtux la ħiereġ u lanqas dieħel għax jien u ħabibti xrobna ftit iżżejjed fil-marċ. U kien jaħfrilna kollha kemm aħna ta’ kemm-il darba konna bnedmin dgħajfa u fallibli. Basta kultant nagħmlu tikka sforz biex inkunu. tikka inqas dgħajfa.

Din is-sena ma tliftx il-festa. Din is-sena qed nitgħallem inkun ftit inqas dgħajjef.

Il-Marċ

Tini jdejk, u imxi miegħi

Għad-dell taċ-ċraret li dendilna

Sabiex induqu nitfa ġenna.

 

Ħalli ‘il qalbek titwaħħad

Mad-daqqa kiefra tal-katuba;

Agħlaq għajnejk, u ħallih iħabbat.

 

Tini jdejk, u ixrob miegħi

Mill-ħlewwa qarrieqa tal-flixkun

Għax minn għada, mrar biss.

 

Mela ejja u għanni miegħi

F’dil-qrara bla penitenza,

Ja ħija fid-Dnub tan-Nisel.

Æ

Requiem lill-Festi

Dalwaqt ma jifdal xejn. La baned, la murtali, u lanqas pavaljun imġiddem. Ftit taż-żmien ieħor u nidfnu l-festa mal-bqija tat-tradizzjonijiet li tant qaħħabna fuq il-fuljetti għat-turisti iżda qatt ma ħarisna u wisq anqas fhimna.

Min għad għandu ħin għall-festa? Issa li kull sekonda ta’ ħajjitna issagrifikajniha fuq l-altar tal-flus, issa ħadd m’għandu moħħ jirħama jew jaħdem il-liedna. Jum is-Sibt issa qaddisnih lil alla tal-part-time (għax tant hawn flus, li rridu naħdmu bis-Sibt u l-Ħadd). 

Min għad għandu paċenzja idur mat-trofej tal-pjazza jew l-istatwa l-ġdida li ramaw fit-triq tal-knisja? Jekk qed issuq, tlift parking. Jekk qed timxi (f’każ rari ta’ neċessità assoluta), tisħet l-armar għax trid iddur miegħu u t-triq mimlija karozzi.

U fuq kollox dal-ħafna qaddisin x’nambuhom? Il-qaddisin tal-lum jilbsu ġlekk u ngravata, u jgħidulna li kollox sew. Dawn il-pjaneti rrakmati, drappijiet mixħutin fuq l-ispalla, u raġġieri…dawk inħalluhom għall-kotba tal-arti li qatt ma nixtru wisq anqas niftħu. 

Ejja ma nkunux pessimisti – dejjem sabiħ tieħu birra friska waqt li tkanta ‘Sweet Caroline’ u tħossok parti minn ‘xi ħaġa’. Iżda dik ix-‘xi ħaġa’ tħossha wkoll titbiegħed minnek, u int u taqbeż mad-DJ tinduna kemm hemm nies madwarek li ma tafx, minkejja li joqgħodu biss żewġ bibien ‘il bogħod minnek, jew saħansitra fl-istess blokka ‘moderna’ li telgħet f’tarf ir-raħal. Hemm uċuh tafhom biss minn Facebook u Instragram, jew forsi taħseb li huma, għax koż bla filters u hashtags, in-nies jidhru xort’oħra.

Iżda forsi qed ngħid il-ħmerijiet. Ara kemm hawn nies ġew jaraw in-nar! Ara kif imlejna pjazza għax ġibna tribute band! Ara kemm kummerċ! Iva, flus hawn kemm trid – għax issa kollox nistgħu nixtru. Nar? Nixtruh. Bandisti? Nixtruhom. Armar? Nixtruh. 

U fejn ma naslux, insibu xi imprenditur jagħtina donazzjoni: ftit eluf mill-miljuni li għandu. U b’dawk il-flus nagħmlu pavaljun ġdid u statwi ġodda u sorpriżi mill-isbaħ.

U waqt li aħna mehdijin nixorbu l-birra u nkantaw ‘Sweet Caroline’, madwarna jaqgħu djarna u jitilgħu flettijiet li magħhom daqshekk irbatna ventijiet. L-għelieqi minn fejn naħarqu n-nar ukoll sparixxew taħt il-konkrit. U n-nies li darba kienu jiġu jagħtu daqqa t’id, ma tarahomx b’nemes għax kulħadd mix-xogħol għad-dar.

U l-festa tmut weħidha…u l-bliet u l-irħula tagħna fl-aħħar iċedu quddiem l-armata ta’ karozzi, trakkijiet, u billboards. U ħadd ma jitniffes, għax issa sirna eremiti diġitali – u barranin f’darna stess…

VII [sebgħa]

 

Mhux soltu nuża dan il-blog biex nitkellem fuq xogħli, iżda kultant jibdew jiġru affarjiet żgħar fis-settur tiegħek li ma tistax tinjora. Sinjali ta’ bidla, żgħar u ftit batuti għax għadhom jitwieldu, iżda li mimlija potenzjal. Ħa nibda mill-bidu nett.

Ftit tax-xhur ilu ġejt mitlub mill-Għaqda Mużikali Santa Marija ta’ Ħal Għaxaq nikteb xogħol żgħir sabiex bih jinawguraw wirja tal-Ġimgħa l-Kbira ġewwa l-każin fil-jiem li ġejjin. Nammetti li l-ewwel reazzjoni kienet daqxejn ċinika. Il-frażi ‘wirja tal-Ġimgħa l-Kbira’ tnissel fija wisq stampi ta’ platti tar-ross, statwi tat-tafal koroh, u xi ftit xogħol bl-antaċċjoli jew pupi tas-suf. Iżda donnu ma kienx ser ikun il-każ.

Qoxra Għaxaq 2015

Qoxra tal-programm tal-festa Awwissu 2015 (Għaqda Mużikali Santa Marija A.D. 1873, Ħal Għaxaq)

Din hi wkoll waħda mill-ftit baned Maltin fejn hemm jonfoħ ir-riħ tal-bidla. Mhux urugan jew riefnu, iżda żiffa ħelwa friska. Tistgħu tħarsu lejn il-qoxra tal-programm tal-festa tas-sena l-oħra (Awwissu 2015) biex tinduna bid-differenza. M’hemmx qoxra tleqq b’xi collage ta’ ritratti varji tal-festa jew tal-vara, iżda disinn eleganti u maħsub.

Iżda, lura għall-wirja. L-idea kienet waħda sempliċi: wirja kollettiva ta’ xogħlijiet ta’ artisti u statwarji Maltin t’arti marbuta mal-Ġimgħa Mqaddsa, fosthom Ġlormu Dingli, Renzo Gauci, Mariorick Mifsud, Noel Cauchi, Joe Cutajar Zahra, Silvio Mizzi, John Massa, Shawn Saliba, Ayrton Sammut, Darren Bonavia, Antonio Mifsud, Joseph Magri, James Azzopardi, Jesmond Micallef, Nazzareno Gauci, Sebio Aquilina (ritratt hawn fuq), Kurt Friggieri, George Scicluna, Publio Magro, Cleaven Formosa u ohrajn.

Xorta waħda, kelli d-dubji tiegħi. Il-baned u l-arti kontemporanja mhumiex eżattament sinonimi. Li kieku kelli nikkummenta fuq il-wirja ngħid li hemm nuqqas t’artisti li jaħdmu fi stil kontemporanju. Għaliex? Għax mit-Tieni Gwerra ‘l hawn, kien hemm qasma kulturali fost l-artisti; dawk li żammew stil anakronistiku u tradizzjonalist u dawk li nqatgħu kompletament mit-tradizzjoni. U issa li għadda ż-żmien, qed nerġgħu naraw moviment stramb, t’artisti tradizzjonali jesploraw toroq ġodda, u artisti avantgardisti iħarsu lura lejn it-tradizzjoni.

Hu fil-mużika? L-ambjent bandistiku għadu ddominat mill-ħoss tal-marċ, u ma hemm xejn ħażin f’dan. Il-marċ huwa tip ta’ mużika funzjonali: jeżisti mhux għall-mertu artistiku tiegħu, iżda għal skop soċjali, biex jakkumpanja ritwal. Iżda l-baned jistgħu jkunu iktar minn hekk. Sa qabel il-Gwerra, l-baned kienu jdoqqu wkoll l-aħħar mużika, minn mużika operistika u klassika, għal jazz u mużika tas-swali taż-żfin.

Għadhom il-każini jistgħu jkunu parteċipi fil-ħajja mużikali kontemporanja? Ejja nibdew b’pass importanti: jekk taħsbu li l-mużika ‘kontemporanja’ hi biss soundtracks jew ‘taħwid’, ‘stunar’ u ‘ħsejjes ta’ borom iħabbtu ma xulxin’…għandkom żball. Il-mużika kontemporanja hija vasta…nistedinkom biss tesploraw kompożituri bħal Arvo Pärt, John Tavener, Eric Whitacre, James MacMillan, Thomas Adès, John Adams, Steve Reich…u oħrajn.

Kien hemm fattur importanti li kkonvinċini: il-fiduċja li l-Għaqda Mużikali Santa Marija wriet fija, tant li kelli l-libertà li nagħżel jien x’nikteb. X’taqbad tikteb? Ridt inżomm mal-ispirtu tal-wirja, u għalhekk iddeċidejt li nikteb serje ta’ riflessjonijiet fuq l-aħħar seba’ kelmiet ta’ Kristu. Iżda ridt ukoll li tkun iktar minn sempliċi biċċa mużika tal-ftuħ. Iddeċidejt li nkellem seba’ awturi u poeti kontemporanji Maltin biex jikkontribwixxu anke huma għax-xogħol taħt forma ta’ seba’ riflessjonijiet fuq kull frażi.

U b’hekk twieldet VII[sebgħa], xogħol għal kwartett tar-ram u perkussjoni; seba’ movimenti fuq seba’ riflessjonijiet letterarji minn seba’ kittieba Maltin, għall-ftuħ tal-wirja Il-Passjoni ta’ Kristu Skont l-Artist Malti: xogħol li fih il-kitbiet ta’ Trevor Zahra, Maria Grech Ganado, Immanuel Mifsud, Clare Azzopardi, Adrian Grima, Simone Inguanez, u Wayne Flask. Il-mużiċisti li ser idoqqu huma Wayne Bartolo, Duncan Borg, Justin Formosa, Clayton Gomez, u Tancred Grech. Magħhom tingħaqad ukoll l-attriċi Monica Attard li ser tinterpreta s-seba’ kitbiet.

VII[sebgħa], ser tingħata l-prima assoluta nhar il-Ħamis 17 ta’ Marzu fit-20:00 fis-Sala ewlenija tal-każin tal-Għaqda Mużikali Santa Marija A.D. 1873. Id-dħul huwa b’xejn u kulħadd huwa mistieden. 

12828357_1122403184471739_4059186357545022898_o