VII [sebgħa]

 

Mhux soltu nuża dan il-blog biex nitkellem fuq xogħli, iżda kultant jibdew jiġru affarjiet żgħar fis-settur tiegħek li ma tistax tinjora. Sinjali ta’ bidla, żgħar u ftit batuti għax għadhom jitwieldu, iżda li mimlija potenzjal. Ħa nibda mill-bidu nett.

Ftit tax-xhur ilu ġejt mitlub mill-Għaqda Mużikali Santa Marija ta’ Ħal Għaxaq nikteb xogħol żgħir sabiex bih jinawguraw wirja tal-Ġimgħa l-Kbira ġewwa l-każin fil-jiem li ġejjin. Nammetti li l-ewwel reazzjoni kienet daqxejn ċinika. Il-frażi ‘wirja tal-Ġimgħa l-Kbira’ tnissel fija wisq stampi ta’ platti tar-ross, statwi tat-tafal koroh, u xi ftit xogħol bl-antaċċjoli jew pupi tas-suf. Iżda donnu ma kienx ser ikun il-każ.

Qoxra Għaxaq 2015

Qoxra tal-programm tal-festa Awwissu 2015 (Għaqda Mużikali Santa Marija A.D. 1873, Ħal Għaxaq)

Din hi wkoll waħda mill-ftit baned Maltin fejn hemm jonfoħ ir-riħ tal-bidla. Mhux urugan jew riefnu, iżda żiffa ħelwa friska. Tistgħu tħarsu lejn il-qoxra tal-programm tal-festa tas-sena l-oħra (Awwissu 2015) biex tinduna bid-differenza. M’hemmx qoxra tleqq b’xi collage ta’ ritratti varji tal-festa jew tal-vara, iżda disinn eleganti u maħsub.

Iżda, lura għall-wirja. L-idea kienet waħda sempliċi: wirja kollettiva ta’ xogħlijiet ta’ artisti u statwarji Maltin t’arti marbuta mal-Ġimgħa Mqaddsa, fosthom Ġlormu Dingli, Renzo Gauci, Mariorick Mifsud, Noel Cauchi, Joe Cutajar Zahra, Silvio Mizzi, John Massa, Shawn Saliba, Ayrton Sammut, Darren Bonavia, Antonio Mifsud, Joseph Magri, James Azzopardi, Jesmond Micallef, Nazzareno Gauci, Sebio Aquilina (ritratt hawn fuq), Kurt Friggieri, George Scicluna, Publio Magro, Cleaven Formosa u ohrajn.

Xorta waħda, kelli d-dubji tiegħi. Il-baned u l-arti kontemporanja mhumiex eżattament sinonimi. Li kieku kelli nikkummenta fuq il-wirja ngħid li hemm nuqqas t’artisti li jaħdmu fi stil kontemporanju. Għaliex? Għax mit-Tieni Gwerra ‘l hawn, kien hemm qasma kulturali fost l-artisti; dawk li żammew stil anakronistiku u tradizzjonalist u dawk li nqatgħu kompletament mit-tradizzjoni. U issa li għadda ż-żmien, qed nerġgħu naraw moviment stramb, t’artisti tradizzjonali jesploraw toroq ġodda, u artisti avantgardisti iħarsu lura lejn it-tradizzjoni.

Hu fil-mużika? L-ambjent bandistiku għadu ddominat mill-ħoss tal-marċ, u ma hemm xejn ħażin f’dan. Il-marċ huwa tip ta’ mużika funzjonali: jeżisti mhux għall-mertu artistiku tiegħu, iżda għal skop soċjali, biex jakkumpanja ritwal. Iżda l-baned jistgħu jkunu iktar minn hekk. Sa qabel il-Gwerra, l-baned kienu jdoqqu wkoll l-aħħar mużika, minn mużika operistika u klassika, għal jazz u mużika tas-swali taż-żfin.

Għadhom il-każini jistgħu jkunu parteċipi fil-ħajja mużikali kontemporanja? Ejja nibdew b’pass importanti: jekk taħsbu li l-mużika ‘kontemporanja’ hi biss soundtracks jew ‘taħwid’, ‘stunar’ u ‘ħsejjes ta’ borom iħabbtu ma xulxin’…għandkom żball. Il-mużika kontemporanja hija vasta…nistedinkom biss tesploraw kompożituri bħal Arvo Pärt, John Tavener, Eric Whitacre, James MacMillan, Thomas Adès, John Adams, Steve Reich…u oħrajn.

Kien hemm fattur importanti li kkonvinċini: il-fiduċja li l-Għaqda Mużikali Santa Marija wriet fija, tant li kelli l-libertà li nagħżel jien x’nikteb. X’taqbad tikteb? Ridt inżomm mal-ispirtu tal-wirja, u għalhekk iddeċidejt li nikteb serje ta’ riflessjonijiet fuq l-aħħar seba’ kelmiet ta’ Kristu. Iżda ridt ukoll li tkun iktar minn sempliċi biċċa mużika tal-ftuħ. Iddeċidejt li nkellem seba’ awturi u poeti kontemporanji Maltin biex jikkontribwixxu anke huma għax-xogħol taħt forma ta’ seba’ riflessjonijiet fuq kull frażi.

U b’hekk twieldet VII[sebgħa], xogħol għal kwartett tar-ram u perkussjoni; seba’ movimenti fuq seba’ riflessjonijiet letterarji minn seba’ kittieba Maltin, għall-ftuħ tal-wirja Il-Passjoni ta’ Kristu Skont l-Artist Malti: xogħol li fih il-kitbiet ta’ Trevor Zahra, Maria Grech Ganado, Immanuel Mifsud, Clare Azzopardi, Adrian Grima, Simone Inguanez, u Wayne Flask. Il-mużiċisti li ser idoqqu huma Wayne Bartolo, Duncan Borg, Justin Formosa, Clayton Gomez, u Tancred Grech. Magħhom tingħaqad ukoll l-attriċi Monica Attard li ser tinterpreta s-seba’ kitbiet.

VII[sebgħa], ser tingħata l-prima assoluta nhar il-Ħamis 17 ta’ Marzu fit-20:00 fis-Sala ewlenija tal-każin tal-Għaqda Mużikali Santa Marija A.D. 1873. Id-dħul huwa b’xejn u kulħadd huwa mistieden. 

12828357_1122403184471739_4059186357545022898_o